Lokali
Filmat: Malta b’donazzjoni ta’ 20 magna li tiġġenera l-ossiġnu għal sptar fl-Indja 

Malta se tibgħat 20 magna li tiġġenera l-ossiġnu permezz tal-elettriku lill-Indja, li bħalissa tinsab f’qagħda mwiegħra minħabba l-konsegwenzi serji tal-imxija tal-pandemija COVID-19.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qalu li din id-donazzjoni se tagħti nifs qawwi għall-Holy Family Hospital li jinsab fil-belt kapitali tal-Indja, New Delhi, li hija fost l-agħar milquta mill-imxija tal-pandemija. Dan kif maqbul mad-Direttur ta’ dan l-isptar.

It-tagħmir mediku mogħti mill-Gvern Malti, li jżid il-konċentrazzjoni ta’ ossiġenu billi jiffiltra n-nitroġenu mill-arja, huwa maħsub għal pazjenti li għandhom dipendenza qawwija fuq it-terapija bl-ossiġnu, li bħalissa huwa tant skars u bżonnjuż fl-Indja.

Il-Ministeri qalu li din hija ħolqa oħra minn kullana ta’ inizjattivi li l-Gvern kontinwament isostni fil-kamp uminatarju internazzjonali permezz tal-fond uffiċjali għall-assistenza għall-iżvilupp.

Qal li dawn l-inizjattivi huma possibli grazzi għall-fatt illi l-Gvern kien għaqli biżżejjed biex laqa’ għad-domanda tat-tagħmir mediku meħtieġ għall-benesseri tal-poplu Malti u Għawdxi fil-bidu tal-imxija tal-pandemija tal-COVID-19, u għaldaqstant, llum jinsab f’qagħda illi jgħin lil pajjiżi oħra biex jegħlbu din l-isfida dinjija.