Filmat. Mewġa ta’ sħana taħkem l-Ewropa – kulħadd jara kif se jiffriska

Il-pixxini, l-għadajjar u l-funtani fil-Ġermanja kienu mimlijin bin-nies biex jiffriskaw mit-temperatura rekord ta’ 40 grad celcius li qed taħkem il-pajjiż fi tmiem din il-ġimgħa.

Fil-kapitali Ġermaniża, in-nies ikkombinaw il-ħtieġa li jiffriskaw ma’ ftit pjaċir waqt ‘ġlieda’ bl-ilma quddiem il-katidral f’Berlin. Skont l-uffiċċju meteoroloġiku Ġermaniż, it-temperaturi għoljin se jippersistu sal-Ħadd u wara mistennija maltempati bir-ragħad l-aktar filgħaxijiet.

Huma ħafna l-pajjiżi tal-punent tal-Ewropa li qed jippreparaw għal dik li possibilment se tkun l-ogħla temperatura li laqtet din il-parti tal-Ewropa. L-awtoritajiet qed iħeġġu lin-nies biex jixorbu kemm jista’ jkun ilma u jagħmlu ħafna krema ta’ protezzjoni mix-xemx.

Il-mewġa ta’ sħana qed tolqot saħansitra pajjiżi fit-tramuntana fejn fost oħrajn fil-kapitali Ukrena, Kiev, numru ta’ nies bdew iwaddbu l-ilma kiesaħ lil xulxin biex jippruvaw itaffu mis-sħana kbira, f’dik li dehret qisa ġlieda bl-ilma.