FILMAT: mhux ħatja li serqu €2.06 miljun f’hold-up f’Santa Venera 16-il sena ilu

Joseph Grech ta’ 49 sena mill-Mosta u George Briffa ta’ 35 sena mill-Belt ma nstabux ħatja li 16-il sena ilu serqu Lm884,200 (€2,060,186) waqt hold-up li seħħ fi Triq il-Kanun f’Santa Venera.

Il-każ seħħ f’Ottubru tas-sena 2000 għall-ħabta tan-12.35 p.m. meta żewġt irġiel armati serqu Lm884,200 minn vann tal-Group 4 li kien qed jinstaq fi Triq il-Kanun, f’Santa Venera.  Il-vann kien għadu kif ħareġ mill-Bank HSBC mgħobbi bil-flus meta f’ħin bla waqt twaqqaf minn karozza li kien fiha żewġt irġiel.

hold-up-group-4_frame_9052Il-ħallelin kienu telqu minn fuq il-post bil-flus b’vann misruq li aktar tard kien instab maħruq fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Il-flus kienu nstabu xahar wara l-hold-up fi tfittxija li għamlet il-pulizija f’proprjetà fi Triq San Ġorġ, f’Birżebbuġa. Il-biċċa l-kbira tal-flus instabu taħt saqqu fil-kaxxa tas-sodda u magħhom instabu wkoll żewġ balaklavi u mobile phone.

Dwar dan il-każ għadhom għaddejjin proċeduri kriminali Emanuel Formosa, ix-xufier tal-vann tal-Group 4, Mario Cutajar is-sid tal-proprjetà fejn instabu l-flus u Alfredo Degiorgio li l-marki tas-swaba’ tiegħu nstabu fuq oġġett partikolari.

Grech u Briffa li dakinhar kellhom 33 u 21 sena rispettivament kienu ġew arrestati u tressqu l-Qorti mill-Pulizija wara li d-DNA tagħhom instab maż-żewġ balaklavi li kienu nstabu mal-flus f’Birżebbuġa.

Fil-Qortu, Salvu Galea, li kien fil-vann bħala kustodju ma’ Formosa irrakkonta li dakinhar tal-hold-up, ħarġu għalihom żewġt irġiel mgħammda. Qal li dak il-ħin kemm hu u kemm ix-xufier marru għall-mouth piece li kellhom tar-radio biex jibdew jgħajtu “attack attack attack, iżda x’ħin qabdu l-wire u l-mouth piece, il-wire tqaċċat u ma setgħu jgħajtu xejn. Qal li ż-żewġt irġiel mgħammda marru b’ġirja għal fuqhom, b’wieħed minnhom jippuntalu senter lejh u l-ieħor waħħal dik li skont hu kienet bomba mal-windscreen fuq in-naħa tax-xufier. Qal li waqt li hu baqa’ bilqiegħda, Formosa qam u tahom kollox minn fuq wara tal-vann.

Il-Qorti b’mistoqsijiet kbar dwar l-inkjesta Maġisterjali

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri qajmet mistoqsijiet dwar dik lissejjaħ “raġuni stramba ħafna” li ma tafx x’inhi kif numru ta’ rapporti fl-inkjesta maġisterjali ma rriżultawx bħala parti intergrali mill-Vera Kopja tal-Proċess Verbal.

hold-up-group-4_frame_9924Qalet li ma setgħetx tagħmel  referenza għal dak li qal Formosa, ix-xufier tal-vann lil Dr Veronica Aquilina, esperta fl-Inkjesta Maġisterjali meta xehed magħha li għaraf lill-akkużat Grech bħala wieħed mill-persuni li kienu qed jippjanaw il-hold-up.

Innota li waqt li Dr Aquilina xehdet li hija kienet ingħatat l-inkarigu ta’ esperta mill-Maġistrat inkwerenti, fil-Vera kopja tal-Proċess Verbal, hemm biss in-nomina ġenerali tal-esperti maħtura fl-inkjesta maġisterajli.

Waqt li jistaqsi jekk dan kienx nuqqas ta’ meta saret il-fotokopja biex issir il-Vera Kopja tal-Proċess Verbali, sostna li mhux f’qagħda li jwieġeb dan u lanqas hu xogħlu li jipprova jimmaġina dwar dak li seta’ ġara. Qal li hu obbligat li janalizza dak li għandu quddiemu u li jirriżulta mill-atti proċesswali u xejn aktar!

Huwa żied jinnota li Dr Aquilina nħatret “Espert Legali”, iżda ma jirriżultax li ngħatat il-fakultà li tisma’ x-xhieda bil-ġurament u għalhekk ix-xhieda kienet inammissibbli.

Fix-xhieda tagħha, il-Prosekuzzjoni sostniet li mit-testijiet li għamel Matthew James Greenhalgh, l-espert tad-DNA irriżulta li fuq iż-żewġ balaklavi kien ġie elevat il-profil tad-DNA taż-żewġ akkużati.

Saħqet li l-involviment tal-imputati fil-hold-up kien wieħed ċar. Madankollu l-qorti qalet li għandha r-riżervi tagħha dwar għadd ta’ fatturi relatati mar-rapport fosthom li d-digriet tan-nomina ta’ Greenhalgh ma jirriżultax mill-Proċess Verbal u lanqas issir riferenza għall-balaklavi u għall-eżami komparattiv biex isiru t-tesijiet tad-DNA testing. Fid-dawl ta’ dan il-Qorti ddikjarat ir-rapport ta’ Greenhalgh bħala inammissibbli.

Madankollu, il-Maġistrat jinnota li fix-xhieda tiegħu Greenhalgh jagħmel bosta osservazzjonijiet dwar it-testijiet li saru fuq il-balaklava u jikkonkludi li r-riżultati pprovaw bażi estremanent b’saħħitha li l-materjal li nstab fuq iż-żewġ balaklavi oriġina minn Briffa u Grech.

Fis-sentenza tiegħu,  il-Maġistrat qal li l-provi li hemm fl-atti m’humiex  biżżejjed  biex l-akkużati jinstabu ħatja. Qal li bħala stat ta’ fatt, fl-atti proċesswali m’hemm l-ebda prova li turi li l-imputati kienu preżenti fuq ix-xena tar-reat tal-hold-up jew li kellhom xi involviment fih.

Fid-dawl ta’ dan il-qorti ħelset lil Grech u lil Grima minn kull akkuża li nġiebet fil-konfront taghhom.