Lokali
FILMAT: Min-nofs Settembru booster għar-residenti fid-Djar tal-Anzjani u persuni vulnerabbli

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li min-nofs Settembru se tingħata doża waħda ta’ booster lill-persuni l-iktar vulnerabbli fosthom ir-residenti fid-djar tal-anzjani.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Fearne spjega li r-residenti fid-djar tal-anzjani se jingħataw tilqima fir-residenza filwaqt li persuni li għandhom kundizzjoni li trendihom vulnerabbli se jirċievu stedina bil-posta.

Dr Fearne qal li mill-istħarriġ li sar s’issa, ma jidhirx li naqqsu l-livelli tal-immunità fil-persuni fil-komunità li tlaqqmu b’mod sħiħ sitt xhur ilu.

Żied jgħid li s’issa m’hemmx indikazzjoni li għall-kumplament tal-popolazzjoni hemm bżonn li jingħata l-booster tal-vaċċin.

Dwar it-tilqima għan-nisa tqal, Dr Fearne qal li dawk in-nisa li qegħdin fit-tieni u fit-tielet tliet xhur tat-tqala jistgħu jitlaqqmu għall-virus fuq parir tat-tabib tagħhom.