Barranin
FILMAT: Minn tal-anqas 44 imutu fir-rassa waqt festival reliġjuż f’Iżrael

Minn tal-anqas 44 persuna nqatlu fir-rassa waqt festival reliġjuż fil-grigal ta’ Iżrael, waqt li għexieren oħra jinsabu midruba.

Il-festival Lag B’Omer sar għad-dell ta’ Mount Meron, u attendew għalih għexieren ta’ eluf. Dan kien x’aktarx l-ikbar avveniment tal-massa minn meta bdiet il-pandemija, u ttella’ kontra l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Uffiċjali tal-emerġenza kienu kkwotati jgħidu li fost dawk midruba, iktar minn 40 jinsabu f’qagħda kritika.

F’dan l-istadju għadu mhux ċar x’seħħ eżatt, iżda l-ewwel rapporti jindikaw li l-kommossjoni bdiet meta xi persuni żelqu f’taraġ, b’konsegwenza li waqqgħu lil oħrajn u ħafna nies spiċċaw fuq xulxin.

Filmati juru l-folla f’paniku tipprova toħroġ ‘il barra f’daqqa, b’pulizija jaqilgħu lqugħ tal-ħadid biex jevitaw li jkomplu jweġġgħu iktar persuni. Il-pulizija arrestat ukoll xi persuni li qalet fixklu l-ħidma tagħha biex jinżamm l-ordni.

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, iddeskriva l-każ bħala “diżastru qawwi” u qal li qed jitlob għall-vittmi.