Barranin
Filmat: Pont ewlieni f’Atlanta jċedi wara nirien qawwija

Pont ewlieni f’Atlanta, l-Istati Uniti, li fil-mument kienu għaddejjin minn fuqu l-karozzi b’mod normali, iġġarraf u ċeda, wara li nħakem min-nirien kbar. Il-Pulizija tal-Istat arrestat tliet persuni b’rabta ma’ dan il-każ u qed iżżommhom responsabbli ta’ dan l-inċident.

Il-pont hu wieħed mill-aktar traffikuż u jinsab f’nofs il-Belt. In-nirien li ħakmu lill-pont tant kemm kienu kbar li l-persuni responsabbli mit-tifi tan-nar, mgħejjuna mill-Pulizija, damu aktar minn siegħa minn meta waslu biex biex jitfugħ.

Jay Florence, id-Deputat Kummissarju ta’ Ġorġja, ikkonferma li s-suspettati minn dan l-inċident ġew arresti l-Ġimgħa filgħaxija. L-ismijiet tal-persuni arrestati huma Basil Eleby, Sophia Bruner u Barry Thomas.

Eleby se jitressaq il-Qorti akkużat bi ħsara kriminali fuq proprjetà tal-Istat filwaqt li Bruner u Thomas se jiġu akkużati b’reat kriminali marbut mal-każ. It-tlieta qed jinżammu fil-ħabs ta’ Fulton County.

Florence ma spjegax kif it-tliet persuni rnexxielhom joħolqu dak in-nirien kollu fi triq tant popolari u traffikuża u qal biss li d-dettalji kollha tal-inċident se jiżvelahom fil-Qorti.

B’konsegwenza għal dan l-inċident, inħolqot problema kbira tat-traffiku fiż-żona.

B’xorti tajba, dan l-inċident ma ħalla l-ebda vittma u midruba. Minn fuq dan il-pont, hu stmat li jgħaddu mal-250,000 vettura kuljum.

Jista’ jkun li t-tliet persuni ppruvaw jaħarqu maħżen ta’ kostruzzjoni li jinsab eżatt taħt il-pont bil-konsegwenza li n-nar tant kemm qabad b’saħħtu li spiċċa għamel ħsara kbira lill-pont.