Barranin
Filmat: “Qisu reġa’ miet missieri” – membru tal-ekwipaġġ fuq l-aħħar titjira tal-Alitalia

Mumenti emozzjanti għall-membri tal-ekwipaġġ li l-Ħamis filgħaxija kienu fuq l-aħħar titjira li operat il-linja nazzjonali tal-ajru Taljana Alitalia wara li ġiet iddikjarata falluta.

L-aħħar titjira saret ilbieraħ filgħaxija u niżlet għall-ħabta tal-11.00 p.m. fl-ajruport ta’ Fiumicino-Leonardo da Vinci f’Ruma.

F’kummenti lill-ġurnalisti, bosta membri tal-ekwipaġġ taw ħajr lill-passiġġieri għal-lealtà tagħhom lejn dik li sal-bieraħ kienet il-linja nazzjonali tal-ajru Taljana.

“Ma niflaħx… ma niflaħx – qisu reġa’ miet missieri għal darb’oħra  – ngħidilkom hekk biss – tweġġa’ ħafna”, kien kumment ta’ waħda mill-membri tal-ekwipaġġ fuq l-aħħar titjira.

Oħra qalet li kienet ddispjaċuti ħafna wara karrieta ta’ aktar minn tletin sena mal-Alitalia. “Hija l-iktar ħaġa ta’ dwejjaq li setgħet tiġri – ninsabu ddispjaċuti ħafna”.

Passiġġier fuq l-aħħar titjira qal li l-kaptan għamel diskors emozzjanti ħafna li matulu tkellem dwar l-istorja tal-Alitalia u kif permezz tagħha bena u għajjex familja.

Mal-wasla tagħhom fl-ajruport, kien hemm xena ta’ qsim il-qalb b’ħafna mill-membri tal-ekwipaġġ dehru mbikkma jgħannqu lil xulxin għall-aħħar darba bħala kollegi fuq il-post tax-xogħol.