Lokali
FILMAT: Suldat off-duty isalva tnejn minn baħar jibla’ l-art fir-Riviera

Suldat Malti li fil-ħin liberu tiegħu mar ‘surfing’ fil-bajja tar-Riviera, spiċċa biex f’temp ta’ nofsiegħa ħareġ isalva tfajla u raġel li sabu ruħhom f’diffikultà f’każijiet separati.

Andrea Galea għandu 24 sena u huwa Second Lieutenant mal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati. Ma’ tvm.com.mt Galea rrakkonta kif ilbieraħ mar surfing fil-bajja tar-Riviera; delizzju li ilu jipprattika għal din l-aħħar sena. Il-baħar kien jibla’ l-art, u fuq il-bajja ttellgħu żewġ bnadar ħomor bħala twissija. Ħafna nies iżda qajla taw kas, u xorta waħda niżlu jgħumu.

Kienu għall-ħabta tal-11.00 ta’ filgħodu xħin Galea lemaħ tfajla barranija li ma setgħetx tidħol lura l-art. Galea spjega li tellagħha fuq il-bord minfloku, peress li hu mdorri fil-bajja u jaf kif joħroġ mill-kurrent.

“Hekk kif bdejt triqti lura għal fejn nipprattikaw is-surfing kien hemm raġel li nqabad ġo ‘rip’, fejn il-kurrenti joħolqu ċirku perikoluż li jiġbdek ’l isfel u ’l barra,” qal Galea. “Għall-ewwel kollox kien jidher normali, ikun hemm min jirnexxielu joħroġ minnu, biss xħin bdejt inħares lejh beda jidher li hu għajjien. Għajjattlu u qalli ‘I am drowning’, u bdejt inserraħlu rasu li qiegħed miegħu u mhux se nitilqu.”

Galea qal li mbagħad ġiegħlu jersaq lejn il-ħabel. “Peress li kien fih raġel u kien jinsab f’mumenti ta’ paniku, ma stajtx naqbad u nersaq qrib tiegħu għax seta’ ggranfa miegħi u ninżlu t-tnejn flimkien. Biss meta rajtu nieżel taħt l-ilma għax ġew tliet mewġiet wara xulxin ħallejt il-biża’ warajja u kelli ninżel għalih u ntellgħu fuq il-board,” qal Galea.

Galea ħalla l-biża’ warajh u qabeż għar-raġel li kien qed jegħreq

Minkejja li fil-filmat Galea jidher jidderieġi lir-raġel biex jitla’ fuq il-board, l-Ingliż tar-raġel kien batut u għalhekk qajla beda jifhmu.

“Jien kont f’post fejn il-kurrent beda jiġbed lili wkoll peress li ma bqajtx fuq il-board, u kienet ħafna aktar diffiċli nġorr persuna ta’ dik l-istatura. Wara li qdift u ressaqtu viċin l-art sibt l-għajnuna tal-lifeguard fejn għamillu ‘recovery’ u kompla jkaxkru lejn l-art,” spjega Galea. “Jien mill-banda l-oħra tlajt fuq il-board, qbadt id ir-raġel u komplejt niġbdu jien ukoll biex ngħin lil-life guard.”

Galea esprima sodisfazzjon li rnexxielu jsalva l-ħajja ta’ tnejn min-nies, għalkemm ammetta wkoll li kien hemm mumenti ta’ biża’, li iżda ħallihom warajh meta nduna li r-raġel kien se jegħreq. Naturalment, it-taħriġ li rċieva fil-Forzi Armati għenuh jagħmel l-aħjar deċiżjonijiet f’waqthom.

Bis-saħħa ta’ Galea u l-lifeguard dan l-episodju spiċċa b’wiċċ il-ġdid, iżda l-affarijiet setgħu faċilment żvolġew b’mod differenti.

Galea jwissi lill-għawwiema biex ikunu prudenti u jagħtu kas tat-twissijiet tal-lifeguards. “Mhux sew li nipperikolaw ħajjet nies innoċenti li jridu jinżlu jsalvaw persuna li ma tatx każ ir-regoli,” temm jgħid Galea.