Filmat: Taħditiet f’Ruma għal Gvern ta’ għaqda nazzjonali fil-Libja

Fil-kapitali Taljana, Ruma, għaddejjin taħditiet bit-tama li l-fazzjonijiet rivali fil-Libja jistabbilixxu Gvern ta’ għaqda nazzjonali u b’hekk jintemmu xhur ta’ kaos fil-pajjiż.

Il-Libja għandha żewġ gvernijiet, wieħed fi Tripli u l-ieħor f’Tobruk, fil-Lvant tal-pajjiż. Iżda dan l-aħħar żdied it-tħassib dwar l-Istat Iżlamiku li sar b’saħħtu fil-Libja minħabba l-instabbilità li hemm b’mod partikolari f’Sirte.

Fost dawk preżenti għat-taħditiet f’Ruma hemm is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry li qed jimbotta lill-gruppi rivali Libjani biex jimplimentaw il-pjan tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Wara xhur ta’ taħditiet, delegati miż-żewġ naħat kienu qablu li jiffirmaw ftehim għal Gvern ta’ għaqda f’laqgħa f’Tuneż fis-16 ta’ Diċembru. Iżda l-ebda parlament fil-Libja ma vvota biex jadotta l-pjan u huwa maħsub li jiġi ffirmat f’Ruma mingħajr ma jittieħed vot formali fil-Libja.

Ilbieraħ f’Malta ntant, tħassret fl-aħħar minuta laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja Libjani, ta’ Tripli u ta’ Tobruk. Wara li l-Ġimgha filgħaxija l-awtoritajiet li jmexxu f’Tobruk u f’Tripli qalu lill-Gvern Malti li jixtiequ li l-presidenti taż-żewġ parlamenti tagħhom jiltaqgħu f’Malta u l-Gvern Malti aċċetta, iktar kmieni s-Sibt wara nofsinhar wasal Malta l-President tal-Kungress Ġenerali Nazzjonali ta’ Tripli, Nouri Abusahmein, flimkien ma’ delegazzjoni tiegħu. Madankollu l-laqgħa bejn il-mexxejja ta’ Tripli u Tobruk f’Malta kellha titħassar fl-aħħar minuta minħabba li d-delegazzjoni ta’ Tobruk ħassret il-parteċipazzjoni tagħha kmieni s-Sibt filgħaxija.