Kronaka
FILMAT: tfittxija għal ħalliel li wettaq hold-up f’pastizzerija f’Ħal Għaxaq – talabni €20 biex ma jweġġagħnix

Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għall-ħalliel li llum waranofsinhar wettaq hold-up f’ħanut tal-ikel f’Ħal Għaxaq. Huwa rnexxielu jaħrab minn fuq il-post b’€20.

Hailey Abela, tfajla ta’ 19-il sena li taħdem fil-ħanut li jinsab fil-bypass ta’ Ħal Għaxaq kantuniera ma’ Triq it-Tumbarellu, qalet lil Television Malta li kienu għall-ħabta tat-3.15pm meta kienet daharha lejn il-bank u malli daret sabet ma’ wiċċha raġel liebes maskla ta’ kontra l-Covid-19, u hoodie. Qalet li f’idu kellu sikkina u l-ħalliel li talabha €20 sabiex ma jweġġagħhiex.

Viżibbilment ixxokkjata, it-tfajla qalet li newlet il-flus lir-raġel, fejn dan dlonk ħarab minn fuq il-post.

Fuq il-post waslu minnufih il-Pulizija li bdew bi tfittxija għar-raġel.

Dan il-każ iżid mal-lista ta’ reati kriminali li seħħew f’Ħal Għaxaq fl-aħħar ġimagħtejn, fejn sa issa ġew arrestati u mressqa l-Qorti żewġ persuni akkużati b’serq minn vetturi.