Lokali
Filmat: Tfittxija għal raġel li għeb il-Ħadd filgħodu wara li mar jgħodds f’Birżebbuġa

Ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu għaddejjin bi tfittxija għal raġel ta’ 42 sena li l-Ħadd filgħodu allegatament niżel jgħodds f’Birżebbuġa u ma reġax tfaċċa.

Persuni li tkellmu ma’ tvm.com.mt qalu li Danilo Scolari, Taljan li ilu jgħix Malta għal bosta snin ma deherx aktar wara li l-Ħadd filgħodu niżel jgħodds fl-inħawi tal-Freeport.

Dwar l-għajbien tiegħu ġew mgħarrfa il-Pulizija tad-Distrettt u l-Armata b’dawn tal-aħħar bdew bi tfittxija għalih fuq il-baħar kemm b’ħelikopter kif ukoll b’lanċa li tintuża għal operazzjonijiet ta’ din ix-xorta. Fi tfittxija li saret fuq l-art il-pulizija sabu l-mutur ta’ Solari u xi oġġetti oħrajn li ħalla warajh qabel niżel jgħodds.

Dan is-sit jinsab informat li dalgħodu reġgħu ssoktaw it-tfittxijiet għalih mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

Intant fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermat li Danilo deher l-aħħar is-Sibt li għadda fl-inħawi tal-Port Ħieles u kien liebs wetsuit camouflage.

Il-Pulizija appellat biex kull min għandu xi informazzjoni dwaru jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.