Lokali
FILMAT: Tilmaħ balena minn Ta’ Sanap f’Għawdex

Xena mhux tas-soltu għal tfajla Għawdxija li lemħet balena fl-inħawi Ta’ Sanap f’Għawdex.

Il-filmat li ttella’ fuq Facebook minn Melania Bajada juri l-balena tgħum fil-baħar ’il barra mill-Munxar.

Il-balena magħrufa bħala Fin Whale tidher tofroq l-ibħra Maltin u titla’ fil-wiċċ biex tieħu n-nifs.

Din ix-xorta ta’ balena tista’ tikber sa 25 metru u tista’ tgħum b’veloċità ta’ 30 kilometru fis-siegħa waqt li tkun qed temigra.

Waqt li ħafna drabi tkun qed tgħum fil-fond, dawn il-baleni jistgħu jqattgħu xi żmien jgħumu f’baħar relattivament baxx.

Fil-Mediterran, dawn il-baleni jintlemħu l-aktar fil-baħar Ligurjan fejn hu magħruf li jgħixu l-aktar dawn ix-xorta ta’ baleni f’żona ta’ 95,000 metru kwadru.

Intant matul il-jum tat-Tnejn, il-balena ntlemħet ukoll fl-inħawi ta’ Ta’ Ċenċ f’Għawdex. Il-fotografu Għawdxi Benjamin Grech qal li l-kliem ma jistgħux ifissru x’ħass meta ra l-balena taħbat mal-ilma baħar, u bħar-ragħad, wieħed seta’ jħossha tidwi fl-arja.