Lokali
FILMAT: Titnieda ‘Je Me Casse’ ta’ Destiny

Wara ġimgħat mill-aktar impenjattiva, il-PBS nieda l-video u l-kanzunetta ‘Je Me Casse’ li biha l-kantanta Destiny se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Roterdam f’Mejju li ġej.

Je Me Casse hija kanzunetta mill-aktar ħajja li tnissel fis-semmiegħ sensazzjoni mill-aktar pożittiva.

Il-kanzunetta tinkludi bosta ġeneri mużikali minn electro sa pop u turi aspett mill-aktar ħaj tal-kantanta Destiny.

Excuse my French. ‘Je Me Casse’ ddur ma’ mara b’karattru mill-aktar sod u li tħeġġeġ nisa oħrajn bħalha biex jemmnu fihom infushom.

Fil-fatt l-istorja tal-video titratta żagħżugħ li jipprova jagħmel dak kollu li jista’ biex jiġbed l-attenzjoni ta’ mara. Madankollu din il-mara ma turi ebda interess fih u tara kif tagħmel biex teħles minnu.

Il-video juri lil Destiny bħala mara li temmen fiha nfisha, li trid tieħu pjaċir u taf xi trid.

Il-kanzunetta għandha messaġġ ukoll għan-nisa biex ikollhom fiduċja fihom infushom, bl-appoġġ ta’ nisa bħalhom.

Je Me Casse produzzjoni ta’ diversi artisti internazzjonali hija ispirata minn vuċijiet b’saħħithom bħal dawk ta’ Pattie LaBelle, l-aktar il-kanzunetta Lady Marmalade.