Eurovision
FILMAT: Waħidha f’teatru vojt b’kanzunetta għal dawk li taw ħajjithom u ħinhom fil-pandemija

Ġimagħtejn ‘il bogħod mill-Eurovision Song Contest f’Rotterdam l-Olanda, Destiny ħarġet video mużikali ġdid, b’cover version tal-kanzunetta All By Myself iddedikata għal dawk li taw ħajjithom u ħinhom fil-pandemija.

Bħalissa l-kantanta għaddejja bl-aħħar tħejjijiet biex fis-semi finali tat-18 ta’ Mejju tagħti l-aqwa prestazzjoni tal-kanzunetta Je Me Casse.

Bit-timbru uniku tagħha u bil-vuċi li tħoll il-qlub, il-kantanta tat prestazzjoni eċċezzjonali tal-kanzunetta All By Myself li oriġinarjament kienet single tal-artist Amerikan Eric Carmen fl-1975.

Il-kanzunetta li għandha lirika b’saħħitha dwar kif bniedem jista’ jħossu waħdu u vulnerabbli, iżda li xorta jsib is-saħħa u jimxi ‘l quddiem, kienet interpretata minn diversi kantanti leġġendarji matul is-snin fosthom minn Celine Dion.

Fil-filmat il-kantanta waħidha fit-teatru Manoel, u b’xeni ta’ toroq u pjazez vojta, wasslet il-messaġġ ta’ kif il-bniedem safa jħossu waħdu u maqtugħ mis-soċjetà, iżda fl-istess ħin messaġġ ta’ kuraġġ biex wieħed jerġa’ jikseb is-saħħa u jqum fuq saqajh.

Destiny bħalissa għaddejja bl-aħħar preparamenti tagħha biex f’isem Malta tagħti l-aqwa prestazzjoni tal-kanzunetta Je Me Casse.

L-ewwel prestazzjoni ta’ Destiny se tkun fis-semi finali fit-18 ta’ Mejju li ġej, fejn se jkun hemm udjenza ta’ 3,500 ruħ jiġifieri nofs in-nies li jilqa’ l-post. Kull min se jattendi jrid ikun ħareġ negattiv fit-test għall-COVID-19.