Lokali
FILMAT: Xeni rari tal-Garnija fil-bejtiet mal-irdum

Permezz ta’ kameras apposta wieħed jista’ jara xeni rari tal-garnija fil-bejtiet li dan it-tajr jagħmel fi xquq dejjaq fl-irdum.

Il-filmati qed jixxandru permezz tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta, li juru għall-ewwel darba dak li jkun qed jiġri fil-perjodu tal-bejta ta’ dan l-għasfur tal-baħar.

Dawn il-filmati li nġibdu direttament mill-bejta tal-Garnija permezz ta’ trail cameras, jitfgħu dawl ġdid fuq xi jkun qed jiġri tul il-perjodu tal-bejta proprju fil-post fejn ibejjet il-Garni fl-irdumijiet mal-kosta.

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li l-proġett, li qed jaħdem għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi vulnerabbli u protetta, qed juża kameras speċjali magħmulin apposta, li jaħdmu mingħajr white flash jew ħsejjes biex ifixklu mill-inqas lill-għasafar.

Il-filmati qed jirreġistraw dak li jkun qed jiġri ta’ kuljum f’żewġ bejtiet partikolari tal-garnija f’kolonji differenti, waħda fl-Irdum tal-Madonna u l-oħra fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral.

Fl-Irdum tal-Madonna hemm il-kolonja prinċipali ta’ dan l-għasfur tal-baħar f’Malta b’madwar 500 par ġarni li jbejjet f’dawn l-irdumijiet. Min-naħa l-oħra fil-Majjistral insibu madwar 250 par.