FILMAT. Żewġ aħwa Beltin akkużati li darbu raġel fil-Monkeys Bar fil-Ħamrun

Żewġt aħwa mill-Belt caħdu li darbu serjament raġel b’tazza barra l-ħanut tax-xorb Three Monkeys fil-Ħamrun fit-12 ta’ Ottubru li għadda.

Dion u Ramsey Farrugia ta’ 26 u ta’ 22 sena rispettivament, wieġbu li mhumiex ħatja li darbu serjament lil Christopher Cardona li sofra minn ġrieħi gravi f’rasu wara li allegatament qala’ daqqa ta’ tazza.

Cardona ttieħed l-ewwel fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana minn persuna mhux magħrufa iżda mbagħad ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Hemmhekk huwa qatta xi ħin f’kundizzjoni kritika.

Iż-żewġt aħwa kienu akkużati li darbu serjament lil Cardona, li attakkawh, li tawh b’tazza, li heddewh u li kisru l-paċi. Ramsey Farrugia waħdu kien akkkużat ukoll li sar riċediv.

L-Avukat Arthur Azzopardi talab il-libertà proviżorja għax qal li l-inċident seħħ 10 ijiem lu u l-klijenti tiegħu intgħataw il-police bail sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet. Żied li anki Cardona kien investigat mill-pulizija in konnessjoni mal-inċident.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli laqgħet it-talba tad-difiża fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000 u ordnat lill-aħwa biex jiffirmaw fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa u biex ma jkellmu lil ħadd mix-xhieda tal-prosekuzzjoni.