Lokali
FILMAT: żewġ rapporti ta’ blood clots f’Malta ma kinux marbuta mal-vaċċin

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li żewġ rapporti li saru dwar blood clots ma kienu bl-ebda mod relatati mal-għoti tal-vaċċin.

Fl-aġġornament mediku tagħha ta’ kull ġimgħa, il-Prof. Guaci qalet li l-Awtorità tal-Mediċini rċeviet żewġ rapporti ta’ blood clots wara li persuna ħadet it-tilqima tal-Pfizer u oħra t-tilqima tal-AstraZenca.

Madankollu assigurat li ebda wieħed minnhom ma kienu relatati mal-vaċċin kontra l-Covid-19.

Il-Professur Gauci żiedet tgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa waslulhom b’kollox 119-il rapport ta’ side-effects wara li ttieħed il-vaċċin kontra l-Covid-19.

Qalet li 77 persuna ħarġulhom effetti minimi wara li ħadu l-Pfizer u 41 irrappurtaw side effects wara li ħadu l-AstraZeneca. Rapport ieħor mhux magħruf liema vaċċin ittieħed.

Is-side effects kienu minima ħafna li inkludew uġigħ ta’ ras, sogħla, għejja u deni.

Il-Profs Gauci qalet li kull vaċċin u mediċina joħolqu xi side effects u li dawn kollha li ġew irrappurtati mhux marbuta mal-vaċċin.

Hija tenniet l-importanza li wieħed jieħu t-tilqima u qalet li r-riskju huwa aktar għoli jekk ma titteħidtx.