Lokali
Films qosra bil-Malti ispirati mil-letteratura Maltija

Żewġ films qosra ispirati minn siltiet ta’ letteratura Maltija bdew jixxandru fuq il-Youtube bil-lingwa Maltija u sottotitli bl-Ingliż biex jilħqu firxa akbar ta’ udjenza.

‘Camilla’ u ‘Raġel tal-Klieb’ huma żewġ films qosra bi produzzjoni ta’ Shadeena Entertainment li bdew jixxandru fuq il-Youtube bis-sottotitli bl-Ingliż.

‘Camilla’, b’direzzjoni ta’ Stephanie Sant, huwa film qasir imsejjes fuq in-novella tal-istess isem ta’ Clare Azzopardi, mill-ġabra ta’ novelli ‘Kulħadd Ħalla Isem Warajh’ ippubblikata fl-2014. Il-ġabra nghatat il-Premju Nazzjonali tal-kiteb fl-2015 fil-kategorija Novelli bil-Malti u bl-Ingliż.

L-istorja titratta lil Laura, żagħżugħa ta’ 25 sena, li wara li tkeċċiet mid-dar tas-sieħeb tagħha bdiet tgħix ma’ Camilla, Taljana li tikteb l-epitaffju għal mejtin. Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ nisa daħlet fil-fond, b’Laura tibda tissuspetta li qed teħodha ma’ forzi ferm ikbar minnha.

Il-film gie iffinanzjat mill-fondi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bħala r-rebbieħ tal-Konkors Letterarju tal-Films Qosra 2018.

‘Raġel tal-Klieb’ ta’ Oliver Friggieri ġiet adattata f’film qasir taħt id-direzzjoni ta’ Samuel Sultuana li wkoll beda jintwera fuq il-Youtube. L-istorja titratta żwieġ tipiku f’raħal Malti. Wara li l-mewt għall-għarrieda ta’ martu, ir-raġel sab il-kumpanija tal-klieb li beda jiġbor mit-toroq.

Il-film ġie ffinanzjat mill-Malta Film Fund u diga intwera fost oħrajn fil-Marokk u r-Renju Unit.