Qorti
FIMBank ordnat iħallas €14,000 lil ħaddiem li waqa’ u qala’ spalltu

FIMBank plc kien ordnat iħallas kumpens lil uffiċjal tas-sigurtà li waqa’ u weġġa’ fuq sit tal-kostruzzjoni tal-bank f’San Ġiljan.

Il-Qorti semgħet kif seba’ snin ilu, Charlot Spiteri Magri, li dak iż-żmien kellu 32 sena, kien qed jaħdem mal-grada ta’ sit ta’ kostruzzjoni tal-bank, fejn fost oħrajn xogħlu kien li jara li kull min jidħol fis-sit ikollu l-ilbies protettiv.

Spiteri Magri rrakkonta kif f’dan is-sit kien hemm ħafna ġebel jiġri mal-art, u anki ħofra mgħottija biss b’injama rqiqa li taħtha kien hemm żewġ sulari fond. Huwa qal li ħin minnhom tfixkel fit-terrapien u waqa’, b’konsegwenza li weġġa’ spalltu.

L-espert mediku mqabbad mill-Qorti qal li minkejja l-mediċina u t-terapija, l-ispalla ta’ Spiteri Magri għadha tagħtih fastidju u ma jistax jerfa’ fuqha, lanqas lit-tarbija tiegħu. Huwa kkalkula li Spiteri Magri kien sofra diżabbiltà permanenti ta’ 4%.

Min-naħa tiegħu l-FIMBank qal li ma kellux jinżamm responsabbli, għaliex il-ħaddiem kien impjegat ta’ kumpanija oħra, u barra minn hekk il-bank kien qabbad kumpanija apposta biex tieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit tal-kostruzzjoni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, qalet li r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-ħaddiema taqa’ fuq min iħaddem u s-sid tas-sit. Il-fatt li Spiteri Magri kien impjegat minn kumpanija sussidjarja ta’ FIMBank ma jeżonerax lill-bank mir-responsabbiltà.

Iktar minn hekk, il-Qorti qalet li ma kinitx saret evalwazzjoni tar-riskju fil-post fejn intbagħat jaħdem Spiteri Magri, u li l-art kienet ġiet imwittija biss wara li seħħ l-inċident.

Il-Qorti għalhekk ordnat lil FIMBank iħallas lil Spiteri Magri kumpens ta’ €14,052.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Sirjan ta’ 25 sena sofra ġrieħi gravi wara li sofra xi ħruq ikkawżati minn fjamma li ħarġet huwa u jbiddel ċilindru tal-gass. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:20 fi Triq is-Sibbien f’Marsaskala,…

Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Ambjent

Wara li lbieraħ Infrastructure Malta qalgħet siġar mejta fit-Telgħa tas-Saqqajja biex tagħmel il-wisa’ għal siġar ġodda, illum beda x-xogħol ta’ tħawwil. Dalgħodu TVM żar il-post u seta’ josserva l-kumplament tat-tneħħija…

Aktar