Lokali
Finlandiż li tgħallem il-Malti: “Ngħix hawn u hi kwistjoni ta’ rispett”

Lasse Olavi Ullven huwa Finlandiż li jgħix Malta, u għandu ħakma tajba tal-lingwa Maltija. Lasse beda jitgħallem il-Malti billi jisma’ r-rużarju fuq ir-radju.

Intervistat fuq TVAM, Lasse qal li ħass li kellu jitgħallem il-Malti għax hija kwistjoni ta’ rispett. Fisser kif jekk tixtieq tintegra fis-soċjetà Maltija, huwa ħafna aħjar jekk titkellem bil-Malti.

Qal li trid tagħmel sforz biex titgħallem il-Malti, għax minbarra li hija lingwa diffiċli, huwa iktar faċli li taqbad u taqleb għall-Ingliż biex tinfthiem.

Marian Belsten hija Ingliża li wkoll ħasset l-importanza li titgħallem il-Malti meta ġiet tgħix f’pajjiżna. Qalet li bdiet titgħallem il-Malti f’kors fl-MCAST, imbagħad kompliet titgħallem ma’ għalliem privat fejn ilha ħames snin u tgħallmet ukoll tikteb il-Malti tajjeb.

Ara Lasse u Marian x’kellhom xi jgħidu: