Barranin
Fir-Renju Unit: Deputat imwiddba għax żammet lit-tarbija magħha fil-Parlament

Il-Membru Parlamentari Ingliża Stella Creasy, li għadha qed tissielet biex deputati bħalha jingħataw il-frank tal-maternità, ġiet imwiddba għax ħadet lit-tarbija tagħha fil-House of Commons meta kienet qed tagħti diskors.

Id-deputat Laburista, li għandha wkoll tifla ta’ tliet snin, qalet li diġà kienet ħadet lit-tarbija ta’ tliet xhur magħha fil-Parlament qabel, u ħadd ma lmenta. Binha fil-fatt baqa’ rieqed u m’għamilx ħoss.

Madanakollu issa rċeviet email mit-tmexxija tal-Commons, fejn ġibdulha l-attenzjoni li skont regolamenti ġodda, ma tistax tibqa’ ddaħħal lit-tarbija magħha meta tpoġġi fil-Kamra.

Din hija l-iktar battalja riċenti ta’ Creasy biex tagħti drittijiet indaqs lin-nisa fil-politika. Hija qed tappella biex deputati jingħataw frank tal-maternità skont il-liġi; dritt li sal-lum għadhom imċaħħda minnu minħabba li mhumiex meqjusa bħala impjegati.

Hija qed timbotta wkoll biex tiddaħħal sistema li biha deputati li jkunu bil-frank tal-maternità jew paternità jkunu jistgħu jinnominaw persuna biex tirrappreżentahom fil-ħidma mal-kostitwenti, u li tkun imħallsa l-istess salarju.

Creasy qalet mal-midja li mingħajr sistema ta’ maternità li tkopriha, il-kostitwenti tagħha mhux se jkollhom minn jirrappreżentahom jekk tieqaf taħdem, iżda tarbija ta’ tliet xhur ma tistax tħalliha waħedha.