Fir-Renju Unit ixxokkjati b’filmat pornografiku waqt funeral

Familja f’luttu u dawk preżenti f’funeral baqgħu xxokkjati b’filmat pornografiku li beda jintwera b’mod aċċidentali waqt is-servizz funebri. Mijiet ta’ nies inġabru fil-krematorju Thornhill f’Cardiff, Wales biex jagħtu l-aħħar tislima lil Simon Lewis ta’ 33 sena u ibnu tarbija, Simon Lewis Jnr li mietu f’inċident tat-traffiku.

Is-Sur Lewis miet f’lejlet l-ewwel tas-sena f’inċident f’Lamby Way f’Cardiff, fir-Renju Unit. Martu li kienet tqila u binthom ta’ tliet snin ukoll kienu fil-karozza fil-ħin tal-inċident. Tliet ijiem wara l-inċident, kien hemm tħassib dwar it-tarbija f’ġuf l-omm minħabba l-ħabta u weldu b’ċesarju lil Simon Jnr iżda dan miet aktar tard dik il-ġurnata stess.

Il-funeral sar l-Erbgħa u dawk preżenti ddeskrivew ix-xokk li ħadu meta waqt is-servizz funebri x’ħin il-qassis għafas ir-remote control, fuq skrin kbir beda jintwera bi żball filmat pornografiku minflok tribute għall-memorja tas-Sur Lewis. Qalu li damu madwar erba’ minuti sakemm tfewh u n-nies lanqas setgħu jemmnu x’kienu qed jaraw.

Qalu wkoll li l-qassis mexa tajjeb fil-mod kif indirizza s-sitwazzjoni mbarazzanti. Huwa talab apoloġija f’isem il-Kunsill ta’ Cardiff u qal li fi 30 sena kemm ilu jagħmel dan ix-xogħol, qatt ma ra ħmieġ bħal dan.

Il-Kunsill ta’ Cardiff li jmexxi l-krematorju, fetaħ investigazzjoni urġenti.