Barranin
Fir-Renju Unit: Problema ta’ fjuwil fil-pompi minħabba nuqqas ta’ xufiera

Fl-Ingilterra kompliet teskala l-problema ta’ nuqqas ta’ fjuwil fil-pompi tal-petrol.

Dan minħabba nuqqas ta’ xufiera ta’ trakkijiet li jwasslu l-fjuwil mir-raffineriji għall-pompi tal-petrol. Għal sena sħiħa, minħabba Brexit u l-kriżi globali tas-saħħa, ma sarx taħriġ lil xufiera ġodda u lanqas ħarġu liċenzji.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż issa jrid joħroġ mal-5,000 viża temporanja lil xufiera barranin iżda l-industrija qed tgħid li dan mhux biżżejjed u li l-pajjiż għandu bżonn 100,000 xufier aktar biex ilaħħaq mad-domanda.

Supermarkets waħedhom, għandhom bżonn minn tal-anqas 15,000 xufier biex joperaw fil-kapaċità massima qabel il-Milied.

Il-kwistjoni dwar il-fjuwil qed iseħħ fl-isfond tal-kriżi li r-Renju Unit qed jaffaċċja prezzijiet għola tal-gass naturali fl-Ewropa u li qed iwasslu għal prezzijiet għolja tal-enerġija u potenzjalment kriżi fil-provvista tal-ikel.