LGBTIQ
Karta tal-flus għal eroj gay li safa kkastrat fit-Tieni Gwerra Dinjija

Mil-lum fir-Renju Unit daħlet fiċ-ċirkolazzjoni l-karta tal-£50 b’wiċċ Alan Turing.

Turing kien ġenju tal-matematika li kien strumentali biex l-Ingilterra setgħet tifhem l-Enigma Code, il-mod li bih kienu jikkomunikaw bejniethom il-Ġermaniżi fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Minkejja li għal bosta kien eroj Turing kien trattat daqs li kieku kien kriminal minħabba li kien gay.

Huwa kien anke nstab ħati li kellu relazzjoni ma’ żagħżugħ ta’ 19-il sena u minflok intbagħat il-ħabs kien ikkastrat b’mod kimiku.

Huwa miet fl-1954, ta’ 42 sena, wara li bela’ il-velenu bl-inkjesta tikkonkludi li wettaq suwiċidju.

Matul is-snin Turing sar simbolu tal-ġlieda li wettqet il-komunità LGBTIQ biex tkun stmata daqs ħaddieħor.

Kien fl-2013 li r-Renju Unit ħafirlu u fl-2016 il-maħfra kienet estiża għal kull persuna gay li kienet instabet ħatja minħabba s-sesswalità tagħha.

Peter Tatchell, wieħed mill-kelliema ewlenin favur id-drittijiet tal-gays, iddeskriva lil Turing bħala “ikona” tal-komunità LGBTIQ.

Huwa sostna li l-fatt li Turing spiċċa fuq karta tal-flus tar-Renju Unit bħala turija li l-persuni LGBTIQ kienu qed jiġu aċċettati mis-soċjetà.

Fl-2014 ħareġ film dwaru bl-isem “The Imitation Game” bl-attur Benedict Cumberbatch jinterpreta l-parti ta’ Turing.