Barranin
Fir-Renju Unit: Żewġ nisa mietu ftit wara li welldu – suspett li l-kirurgu marradhom b’virus

Żewġ nisa fir-Renju Unit mietu f’ċirkostanzi strambi ftit wara li welldu fl-2018. Investigazzjoni tal-BBC issa qed tindika li ż-żewġ nisa setgħu ġew infettati b’virus mill-istess kirurgu li għamlilhom ċesarja.

Kimberly Sampson ta’ 29 sena, li kienet diġà omm ta’ tifla ta’ tliet snin, welldet tifel fit-8 ta’ Mejju fl-isptar Queen Elizabeth the Queen Mother f’Margate.

Ommha qalet li wara l-ħlas b’ċesarja baqgħet muġugħa ħafna, u wara diversi jiem kellha terġa’ tiddaħħal l-isptar. It-tobba bdew jaħsbu li għandha sepsis kaġun ta’ infezzjoni batterjali, iżda ma bdietx tfiq bl-antibijotiċi u mietet ġimagħtejn wara li welldet. Waqt li kienet fit-taqsima tal-kura intensiva, instab li għandha infezzjoni katastofika mill-herpes.

Sitt ġimgħat wara, omm żagħżugħa oħra kellha tgħix l-istess esperjenza. F’Lulju Samantha Mulcahy ta’ 32 sena, li kienet eċitata li se ssir omm għall-ewwel darba, iddaħħlet f’William Harvey Hospital f’Ashford fejn saritilha ċesarja mill-istess kirurgu u welldet tifla.

Wara tlett ijiem il-kundizzjoni tagħha bdiet sejra għall-agħar, fejn kellha d-deni, bdiet tintefaħ u l-organi bdew ifallu. It-tobba wkoll ħasbu li kellha sepsis, iżda l-antibiotiċi ma bdewx jaħdmu fuqha, u mietet wara erbat ijiem fl-ITU. Mill-awtopsa ħareġ li din ukoll kellha infezzjoni mifruxa mill-herpes simplex.

It-trabi mwielda minn Kimberly u Samantha ma kellhomx herpes, u rriżulta li ż-żewġ nisa kienu ħadu dan il-virus għall-ewwel darba, għalhekk ġisimhom ma kellu l-ebda reżistenza għalih. Is-sitwazzjoni kienet iktar gravi peress li s-sistema immunitarja tagħhom kienet baxxa bit-tqala.

Wara inkjesta mill-coroner, il-qraba taż-żewġ nisa kienu infurmati li m’hemm l-ebda rabta bejn iż-żewġt imwiet, iżda emails li għaddew bejn esperti u awtoritajiet tas-saħħa jindikaw li l-virus kien l-istess wieħed, u li dan it-tip kien wieħed rari meta mqabbel mal-kampjuni miġbura fl-aħħar snin.

Kelliem għal East Kent Hospitals qalet li l-isptarijiet talbu l-assistenza ta’ Public Health England wara l-mewt taż-żewġ nisa, u li investigazzjoni kienet ikkonkludiet li mhux possibbli li jiġi identifikat is-sors tal-infezzjoni. Żiedet li l-kirurgu ma kellux feriti f’idejh u lanqas ma kien marid bil-virus fil-passat.

Ritratt tal-BBC: Kimberly Sampson (lemin) u Samantha Malcahy (xellug)