Barranin
Fir-Russja daqshekk xogħol għal disat ijiem minħabba l-Covid

Ir-Russja dalwaqt se tibgħat lill-ħaddiema disat ijiem id-dar bil-għan li titrażżan l-imxija tal-Covid-19 fil-pajjiż.

Dan ħabbru l-President Russu, Vladimir Putin, li qal li se jibgħat lill-ħaddiema d-dar mit-30 ta’ Ottubru sas-7 ta’ Novembru fid-dawl taż-żieda ta’ każi ta’ Covid-19 fir-Russja. Huwa qal li dawk kollha li jaħdmu se jitħallsu xorta waħda.

Din il-miżura se tidħol fis-seħħ wara li lbieraħ id-Deputat Prim Ministru Russu, Tatyana Golikova proponiet li l-ħaddiema jintbagħtu ġimgħa d-dar biex tonqos l-imxija tal-virus.

Putin ħeġġeġ lir-Russi biex jieħdu ħsieb saħħithom kemm jista’ jkun u jitlaqqmu kontra l-pandemija.

Fl-aħħar 24 siegħa, fir-Russja tilfu ħajjithom 1,028 persuna waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19. Dan huwa numru rekord ta’ mwiet fil-pajjiż bil-virus.

In-numru ta’ mwiet fir-Russja bil-Covid-19 s’issa huwa ta’ 226,353. Din hija l-ogħla rata ta’ mwiet fl-Ewropa.