Lokali
Fis-26 ta’ April se jerġgħu jiftħu l-ħwienet mhux meqjusa essenzjali

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fis-26 ta’ April li ġej se jerġgħu jiftħu l-ħwienet mhux meqjusa essenzjali u magħhom jistgħu jerġgħu jibdew jingħataw is-servizzi meqjusa mhux essenzjali.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar il-ftuħ tal-iskejjel mit-Tnejn li ġej, Dr Abela ħabbar ukoll li r-regola ta’ żewġ persuni fil-pubbliku se tinbidel u titla’ għal 4 fis-26 ta’ April li ġej.

Qal li l-miżuri l-oħra jibqgħu fis-seħħ u se jibqa’ jkun hemm l-inforzar.

Il-Prim Ministru wissa li l-miżuri jistgħu jerġgħu jiddaħħlu lura daqskemm jitreġġgħu. Qal li dan isir b’mod partikolari jekk l-isptarijiet tagħna jkunu taħt pressjoni u għalhekk irridu nibqgħu nkunu responsabbli. Sostna li la issa u lanqas fis-26 ta’ April mhu l-mument li nillaxkaw mill-osservanza tal-miżuri restrittivi.

Qal li hekk inkunu nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-ftuħ tar-ristoranti, il-bars, ir-ritorn tal-isport organizzat u ta’ attivitajiet oħrajn.

Fil-fatt qal li dan jiddependi ħafna mill-mod ta’ kif se nimmaniġġjaw it-tnaqqis fil-miżuri. Qal li b’hekk id-dati ta’ meta se jitħabbru inqas miżuri mil-lum, jingħataw fi żmien li ġej skont kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi.

Qal li flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern skeda l-1 ta’ Ġunju bħala l-mira li nerġgħu niftħu t-turiżmu b’mod proattiv fejn pajjiżna bir-rata ta’ tilqim li għandna jista’ jiġi rreklamat bħala wieħed mill-pajjiżi siguri fl-Ewropa.

Qal li qed issir ħidma biex lis-sidien tal-bars, tar-restoranti u l-lukandiera jsalvawlhom s-sajf ta’ turiżmu.

Qal li l-pajjiż għandu diġà €20 miljun bil-għan li nħajru lit-turisti jiġu lejn Malta.