Politika
Fis-sigħat li ġejjin se jkunu ngħataw mal-100,000 doża kontra l-Covid – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li fis-sigħat li ġejjin se jkunu ngħataw mal-100,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid.

Dr Abela qal li fl-aħħar sena l-prijorità ewlenija għall-Gvern kienet li jipproteġi saħħet il-poplu Malti u Għawdxi, filwaqt li impenja ruħu biex ikun ta’ spalla għan-negozji, fosthom bl-estensjoni tal-Covid Wage Supplement.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi li qed isiru, fosthom fil-kirjiet tal-propjetajiet ta’ qabel l-1995, u qal li dan juri kemm verament Gvern Laburista għandu l-polz tal-poplu f’idu.

Sena mill-ewwel każ pożittiv tal-Covid f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bil-ħidma kollettiva Malta rnexxilha tevita tbassir inizjali ta’ eluf ta’ nies mejta u eluf oħra bla impjieg.

Fi programm fuq ONE TV, Dr Abela qal li ġejjin ġimgħat fejn il-pajjiż se jkollu jiddefendi ruħu kontra l-varjant. Wera ruħu sodisfat li fis-sigħat li ġejjin Malta tilħaq tragward ieħor fil-programm nazzjonali ta’ tilqim hekk kif mal-100 elf persuna se jkunu tlaqqmu bl-ewwel doża. Semma li t-tilqima tibqa’ ċ-ċavetta għan-normalità u f’dan l-isfond irrimarka kif il-Gvern se jkompli jlaqqam kemm jiflaħ nies.

Il-Mexxej Laburista qal li jinsab determinat li ‘Tim Malta’ jegħleb il-pandemija b’sens ta’ prudenza, ottimiżu u pożittività. Qal li l-ġimgħat li ġejjin irridu jkomplu jiddefinixxu s-sens ta’ għaqda nazzjonali li stqarr ikkaraterizza lil dan il-poplu fl-isfond ta’ pandemija. Irrimarka li dan mhuwiex il-mument tal-firda, anzi huwa l-mument fejn il-pajjiż irid jiġbed ħabel wieħed, b’Dr Abela jgħid li għandna nħaddnu l-valuri li jsawruna, fosthom il-familja, il-ħbiberija sinċiera u l-għożża għall-frontliners.

Il-Prim Ministru Abela rrimarka li l-emozzjoni li wera din il-ġimgħa fil-mument li tħabbru miżuri ristrettivi ġodda kienu riflessjoni tas-sentimenti li ħass għan-negozjanti li sfaw milquta. Madanakollu semma kif il-Gvern immedjatament ħabbar miżuri ġodda sabiex jagħmel tajjeb għat-telf li ġarrbu s-sidien tar-ristoranti, skema li tammonta għal €2 miljun. Dr Abela qal li tul il-pandemija, il-Gvern skarta l-idea ta’ awsterità u mar fid-direzzjoni opposta, fejn b’miżuri bħas-suppliment tal-pagi irnexxielu jsalva eluf ta’ impjiegi.

Dr Abela qal li s-suċċess ta’ dawn il-miżuri kienu riflessi wkoll fl-aħħar figuri, li juru kif Frar li għadda kien xahar ieħor rekord għall-iffirmar tal-konvenji li ħalla miljuni kbar fl-ekonomija. Irrefera għar-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995, u qal li minkejja l-pandemija, il-Gvern ma ddejjaqx ikun riformista u indirizza kwistjoni li kienet ilha pendenti 20 sena. Qal li għalkemm għamel ġustizzja mas-sidien, lill-inkwilini, li ħafna minnhom pensjonanti, mhu se jħallihom joħorġu xejn minn ġewwa, għax se jingħataw benefiċċju ġdid. Qal li dan il-Gvern se jibqa’ jkun riformista għall-kwistjonijiet pendenti oħra, fosthom artijiet agrikoli maqbuda fil-qbiela, li stqarr huma pedina importanti għall-ekonomija Maltija.

Fi kliem Dr Abela dan juri l-polz li għandu Gvern Laburista, li ma jħalli lil ħadd waħdu, waqt li jipproteġi z-żgħir b’ġustizzja soċjali. Qal li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex jinħoloq il-ġid u jinfirex mas-soċjetà kollha.