Barranin
Fit-Tajwan tifel ta’ 7 snin miet wara li twaqqa’ 27 darba waqt it-taħriġ tal-judo

Fit-Tajwan, tifel ta’ seba’ snin miet wara li waqt it-taħriġ tal-judo twaqqa’ 27 darba.

F’April li għadda, it-tifel sofra minn emorraġija severa f’moħħu wara li kemm il-kowċ kif ukoll sħabu tal-klassi provaw il-mossi tagħhom fuqu.

It-tifel, li ma ġiex iddentifikat, spiċċa f’koma u tpoġġa fuq il-magni. Skont rapporti tal-midja lokali, il-ġenituri ddeċidew li wara 70 jum jitfu l-magni.

Il-kowċ tat-tifel, li għandu fuq is-sittin sena, ġie akkużat li kkaġġuna lit-tifel ġrieħi serji u uża tifel żgħir biex jikkommetti reat.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-kowċ inħelles fuq pleġġ ta’ $3,583.

F’filmat, li kien ġibed zijuh sabiex jurih lil ommu biex juriha li l-judo ma kienx adattat għalih, it-tifel jinstema’ jgħajjat waqt li kien qed jitwaqqa’ minn sħabu kemm-il darba. Fil-filmat l-kowċ kull darba jordnalu biex iqum u jgħid lit-tfal l-oħra biex jerġgħu jwaqqgħuh.

Intant, ħafna staqsew għala zijuh ma waqqafx il-kowċ, madankollu fit-Tajwan hemm rispett kbir u qima lejn l-għalliema u għalhekk jaċċettaw l-awtorità tagħhom. Wara li seħħ il-każ ħareġ li l-kowċ lanqas kellu l-liċenzja biex iħarreġ lit-tfal.