Ekonomija u Finanzi
Fitch ittejjeb il-marki ta’ Malta għal A+ pożittiv

L-aġenzija ta’ kreditu Fitch ikkonfermat il-marka ta’ Malta bħala A+, waqt li tejbet it-tbassir għall-pajjiż minn stabbli għal pożittiv.

Fitch qalet li tistenna li t-tkabbir ekonomiku jkun sostnut, u tbassar tkabbir ta’ 4%.

Innutat li b’6.7%, fl-2018 Malta kienet l-iktar pajjiż fl-UE bi tkabbir ekonomiku tal-PDG mgħaġġel. Tbassar li għal din is-sena t-tkabbir tal-PDG jibqa’ robust b’5.5%, u 4.8% fl-2020. Kien innutat ukoll li fuq medda ta’ 10 snin, Malta kabbret il-PDG għal kull ras minn 57% għal 83%.

Fitch qalet li l-Gvern Malti kellu surplus ta’ 2%, li kien ogħla mit-tbassir tal-Gvern u ta’ Fitch stess. Għal din is-sena Fitch tbassar tkabbir ta’ 0.9%, li jiżdied għal 1% fl-2020 u 1.1% għall-2021. Qalet li dawn in-numri jirriflettu t-tnaqqis fid-dħul mill-programm tal-IIP.

Dwar id-dejn pubbliku, Fitch qalet li tbassar li dan ikompli jonqos bis-saħħa tas-surplus u t-tkabbir tal-PDG. Innutat li fi tmiem is-sena l-oħra d-dejn kien naqas għal 46% minn 70.2% fl-2011, u mistenni jkompli jinżel għal 43.3% din is-sena.

Fitch qalet li l-istituzzjonijiet Maltin huma b’saħħithom iktar mill-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra b’marka A, u Malta tisboq ukoll il-marka A medja fl-indikaturi tal-Bank Dinji fl-iżvilupp tal-bniedem u l-governanza.

L-aġenzija iżda tinnota li fl-aħħar snin bdew jonqsu l-marki ta’ Malta fil-libertà tal-espressjoni u l-kontabbiltà, kif ukoll fil-kontroll u l-korruzzjoni. Malta għandha wkoll marki baxxi fil-faċilità biex wieħed jagħmel in-negozju, għalkemm kien innutat li investiment fl-infrastruttura qed itejjeb is-sitwazzjoni.

Fir-rapport tagħha Fitch issemmi wkoll il-prezz tal-bini, u tgħid li dawn huma konformi mal-linji tal-Kummissjoni Ewropea, u ma jurux sinjali ta’ żidiet esaġerati.

Fitch tirreferi wkoll għar-rapport tal-IMF, li jindika li Malta għandha bżonn ittejjeb is-sistemi tagħha kontra l-ħasil tal-flus, u fl-istess waqt tinnota li żdied l-investiment fl-FIAU u l-MFSA. Jissemma l-bank Pilatus li kellu l-liċenzja revokata, kif ukoll Satabank li ġie mmultat u kellu l-assi friżati.

Sadanittant, il-Ministeru għall-Finanzi fi stqarrija qal li A+ pożittiv hija l-aħjar rating li Fitch qatt tat lil pajjiżna, biex issa ngħaqdet mal-aġenzija DBRS li wkoll qed tagħtina l-ogħla credit rating.

Aħbarijiet Oħra
Temp

It-tieni Sibt ta’ Diċembru kien karatterizzat minn riħ b’qawwa ta’ riefnu li mistenni jibda jċedi fis-sigħat li ġejjin. Ir-riħ qawwi ikkawża ħsarat fi djar u karozzi, qaċċat siġar, ħassar attivitajiet,…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-pajjiż hu ‘l fuq mill-partiti u waqt li akkuża lill-amministrazzjoni kollha tal-pajjiż b’kompliċità għal kriżi ta’ bħalissa, qal li l-Partit Nazzjonalista fassal proposti…

Temp

Kmieni dalgħodu, parti mit-tinda protettiva tat-tempji ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi, iċċartet minħabba r-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, Heritage Malta għalqet l-aċċess għat-tempji għal xi ħin sakemm ġie aċċertat…

Aktar