Lokali
FITCH iżżomm ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ bi prospetti stabbli minkejja d-deċiżjoni tal-FATF

L-aġenzija tal-kreditu internazzjonali FITCH ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ bi prospetti stabbli wara li qieset id-deċiżjoni tal-FATF li l-ġimgħa l-oħra poġġiet lil Malta fil-lista l-griża.

Fi stqarrija, Fitch qalet li waqt li l-FATF ikkonfermat dgħufija fis-sistema Maltija kontra l-ħasil tal-flus, dan ma ħalla ebda impatt f’immedjat fuq ir-rating ta’ Malta jew tal-banek f’Malta.

Dwar id-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fl-hekk imsejħa lista griża, l-esperti ekonomiċi ta’ Fitch qalu li l-effettività tal-azzjonijiet li se jieħdu l-awtoritajiet Maltin biex iwieġbu għal din id-deċiżjoni se jkun importanti biex jiġi assessjat kull impatt li dan jista’ jħalli fuq ir-reputazzjoni u l-investiment f’pajjiżna.

Qalet li Malta qed tiffaċċja żieda fil-monitoraġġ u se jkollha bżonn turi li qed tagħmel progress fuq il-lista ta’ rakkomandazzjonijiet biex titneħħa minn fuq din il-lista.

Hija kkwotat l-awtoritajiet Maltin jgħidu li se jintensifikaw l-isforzi tagħhom kontra l-ġlieda fil-ħasil tal-flus u biex tikseb dan fl-iqsar żmien possibbli.

Irreferew ukoll għar-rapport tal-Moneyval li identifika progress kbir fit-twettiq ta’ rakkomandazzjonijiet li saru fl-2019, madankollu qalu li dawn m’għamlux evalwazzjoni ta’ kemm kienu effettivi l-miżuri li ġew implimentati.

Qalet li ħsara fir-reputazzjoni minħabba l-lista l-griża tista tolqot ħażin il-pajjiż u s-sistema finanzjarja tiegħu. Madankollu qalet li studji li saru dwar pajjiżi li spiċċaw fil-lista l-griża wrew evidenza mħallta tal-impatt li din ikollha fuq it-tkabbir ekonomiku. Qalet li dan kellu effett ekonomiku limitat fuq il-Panama u l-Islanda li kienu tqiegħdu fuq il-lista l-griża fl-2019 u fl-2020.

L-aġenzija tal-kreditu qalet li d-deċiżjoni tal-FATF hija sinifikattiva meta jitqies il-kobor tas-settur bankarju f’Malta, madankollu qalet li l-banek f’Malta u l-awtoritajiet regolatorji kellhom żmien biex iħejju pjani ta’ kontinġenza. Qalet li l-awtoritajiet regolatorjui żviluppaw pjan ta’ azzjoni biex isostnu l-industrija tas-servizzi finanzjarji u jassiguraw li l-infrastruttura tal-pagamenti f’Malta tibqa’ għaddejja.

Żiedu jgħidu li l-banek f’Malta għandhom likwidità kbira u s-settur bankarju f’Malta wera reżiljenza matul ir-riċessjoni tal-COVID-19.

L-ekonomisti ta’ FITCH qalu li jemmnu li l-pjan ta’ kontinġenza flimkien ma’ settur bankjarju b’saħħtu u konservattiv, se jilqa’ għall-impatt tad-deċiżjoni tal-FATF. Madankollu qalet li f’dan l-istadju huwa diffiċli li dan jiġi assessjat.

Qalet li fis-snin ta’ qabel il-pandemija bejn l-2015 u l-2019, Malta rreġsitrat tkabbir ekonomiku b’saħħtu b’medja ta’ 6.5%.

Temmet tgħid li l-klassifikazzjoni tista’ tintlaqat b’mod ħażin f’każ li l-qasam tal-governanza u s-superviżjoni tal-banek jkompli jmur għall-agħar. Min-naħa l-oħra qalet li r-rating ta’ Malta jista’ jkompli jitjieb f’każ li jkompli jsir progress biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fil-governanzna, is-superviżjoni bankarja u l-ambjent tan-negozju.