Ekonomija u Finanzi
Fitch tikkonfema r-‘rating’ ta’ A+ għal Malta

L-aġenzija ta’ kreditu Fitch ikkonfermat ir-‘rating’ ta’ A+ għal Malta bit-tbassir ikun meqjus bħala wieħed stabbli.

Fl-ewwel reazjoni tiegħu għar-rapport il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif ir-rata ta’ tilqim, l-għajnuna finanzjarja li l-Gvern qed jagħti biex iqajjem l-ekonomija u jsalva l-impjieg u r-riformi istituzzjonali kienu fost ir-raġunijiet li semmiet biex waslet għal dan ir-‘rating’.

Fir-rapport tagħha dwar Malta Fitch tgħid li b’mod ġenerali qed tistenna li l-ekonomija terġa’ tibda tirkupra u li d-dejn jerġa’ jibda nieżel.

Fl-istess waqt tgħid li jibqa’ r-riskju tal-impatt tal-Covid-19 fuq is-settur turistiku u l-finanzi pubbliċi.

L-aġenzija tgħid li l-finanzi pubbliċi marru għall-agħar minħabba l-pandemija, minn ‘surplus’ ta’ 0.4% fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-2019 għal żbilanċ ta’ 10.2% fl-2020.

Waqt li sejħet dan l-iżbilanċ bħala t-tieni l-ikbar wieħed fl-UE, l-aġenzija tirreferi għall-għajnuna li ta l-Gvern biex iqajjem l-ekonomija għalkemm tgħid li n-nuqqas ta’ dħul tal-Gvern wassal biex id-defiċit kien ikbar milli mistenni.

Għal din is-sena Fitch qed tbassar li d-defiċit ikun ta’ 11.5%, ftit inqas mit-12% li qed ibassar il-Gvern waqt li bħala tkabbir qed tistenna li dan ikun ta’ 4.7% meta dak tal-Gvern huwa ta’ 3.8%.

L-aġenzija tirreferi wkoll għall-infieq tal-Gvern, partikolarment fi proġetti fit-turiċmu, fit-trasport u fis-saħħa, u tgħid li tistenna li d-defiċit jkun ta’ 5.4% tal-PDG imma dan jiddependi mill-irkupru tal-pajjiż u t-tnaqqis tal-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex jistimula l-ekonomija.

Fitch issemmi wkoll il-possibilità li tidħol taxxa minima globali u waqt li tgħid li dan jiddependi mil-laqgħat tal-G20 dan is-sajf iżżid li dan jista’ jkollu impatt fuq id-dħul ta’ Malta mit-taxxi fuq il-kumpaniji li huma baxxi u ta’ attrazzjoni għall-barranin.

Hija ssemmi anke l-proċeduri li l-Kummissjoni Ewropea għandha fuq Malta fir-rigward tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u twissi li jekk dan jitwaqqaf id-dħul tal-pajjiż jonqos b’€100 miljun jew 0.7% tal-PGD.

Dwar id-dejn tgħid li qed tistenna li jilħaq il-65.5% tal-PGD fl-2022 u jerġa’ jinżel taħt is-60% tal-PGD fl-2026.

Fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta għal din is-sena hija qed tbassar li jkun ta’ 4.7%, tnaqqis fuq il-5.4% imbassar qabel, mentri l-irkupru qed tistennih għall-2022 fejn qed tistenna li mit-3.9% li kienet bassret qabel dan ikun ta’ 6%.

Fitch tiddeskrivi lil Malta bħala waħda minn ta’ quddiem fejn jidħol it-tilqim b’rabta mal-pandemija u ssemmi kif kienet l-ewwel waħda li laħqet is-70% tat-tilqim jiġifieri l-‘herd immunity’.

Dwar it-turiżmu tgħid li qed tistenna li s-safar internazzjonali jibda jirkupra fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, tgħid li matul din is-sena se jibqa’ 55% inqas mil-livelli ta’ qabel il-pandemija mbagħad ikun 15% inqas fl-2022.

Hawnhekk issemmi li t-turiżmu f’pajjiżna se jkun jiddependi mid-deċiżjoni tar-Renju Unit dwar Malta u l-‘green list’ u jekk ikunx hemm bżonn li turisti Ingliżi jagħmlu kwarantina wara li jirritornaw minn pajjiżna.

Min-naħa l-oħra ssostni li jekk it-turiżmu ħa daqqa s-setturi tal-‘online gaming’, l-IT, is-servizzi finanzjarji u l-kostruzzjoni baqgħu b’saħħithom.

Ir-rapport tal-Fitch jirreferi wkoll għal dak tal-Moneyval li Malta kienet kważi ‘fully compliant’ mar-rakkomandazzjonijiet li għamlitilha dwar it-tisħiħ tal-liġijiet fuq ħasil ta’ flus u superviżjoni finanzjarja.

Hija tgħid li deċiżjoni dwar deċiżjoni dwar jekk Malta hiex ġurisdizzjoni b’riskju għoli mistennija tittieħed f’Ġunju waqt li twissi dwar l-impatti fuq is-settur finanzjarju jekk il-pajjiż jitpoġġa fil-lista l-griża.

Fir-rapport Fitch tirreferi wkoll għall-governanza u ssemmi kif fl-indiċi tal-korruzzjoni waqgħet lura waqt li ssostni li dak li ħiereġ mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jista’ jaffettwa aktar il-mod kif wieħed iħares lejn il-governanza fil-pajjiż.