Ekonomija u Finanzi
Fitch tikkonferma r-rating ta’ Malta bħala A+

Għat-tieni darba din il-ġimgħa, Aġenzija internazzjonali tal-Credit Ratings tat ċertifikat tajjeb lill-ekonomija Maltija. L-Aġenzija Fitch ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livel A + u stabbli u qalet li l-indikaturi ekonomiċi ta’ Malta huma aħjar minn ta’ pajjiżi oħra bl-istess rating.

L-ekonomisti ta’ Fitch li analizzaw l-indikaturi ekonomiċi ta’ Malta, ikkonfermaw ir-rating ta’ A+ u stabbli lil Malta. Qalu li d-dħul ras għal ras, il-governanza tajba, l-indikatur soċjali, it-tkabbir ekonomiku sostnut u s-sħubija ta’ Malta fl-Ewro jagħmlu tajjeb għal fatturi oħrajn inqas pożittivi fosthom il-livell għoli ta’ garanziji tal-Gvern fuq id-dejn tal-intrapriżi statali u l-ekonomija żgħira u miftuħa għal xokkijiet li jista’ jkollha.

L-ekonomisti innutaw it-titjib fil-budget tal-gvern li mill-2016 kellu surplus għalkemm ibassru li s-surplus jista’ jonqos għal inqas minn 1% tal-prodott domestiku gross sas-sena d-dieħla. Innutaw ukoll l-impenn tal-gvern li jibqa’ jkollu bilanċ pożittiv fil-budget anke jekk tneħħi d-dħul mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment li l-parti kbira minnu qed titwarrab għall-investimenti li jridu jsiru.

Ir-rapport ta’ Fitch jgħid li d-dħul tal-Gvern mit-taxxa jista’ jonqos minħabba direttivi ġodda tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jgħid li l-nefqa tal-Gvern qed tinżamm taħt kontroll għalkemm mistennija nefqa akbar għall-proġett kapitali iffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

L-Aġenzija Fitch innutat li s-sena li għaddiet id-dejn tal-Gvern paragun mal-Prodott Domestiku Gross naqas għal ftit aktar minn 47% waqt li l-Gvern qed igawdi mir-rati baxxi tal-imgħax. L-ekonomista qalu li bix-xejra preżenti d-dejn tal-Gvern ser jonqos għal madwar 42% tal-GDP sas-sena d-dieħla. Fitch jgħidu li jikkunsidra l-garanziji tal-gvern fuq id-dejn, għalkemm naqsu b’9% għadhom f’livell għoli.

Ir-rapport jirrikonoxxi li t-tkabbar ekonomiku ta’ Malta s-sena li għaddiet kien aħjar mit-tbassir li l-ekonomisti ta’ Fitch għamlu f’Awwissu li għadda. L-Aġenzija qalet li r-rata tat-tkabbir tal-ekonomija Maltija kompliet tissorprendi u żiedet tgħid li dan ġej minn diversi fatturi fosthom il-konsum, ir-rata baxxa ta’ qgħad u l-flus li qed jiċċirkulaw fl-ekonomija. Fitch hija tal-fehma li r-ritmu ekonomiku ser ibatti tbassar li sal-2024, it-tkabbir tal-ekonomija jista’ jkun ta’ 3% fis-sena.

L-ekonomisti ta’ Fitch qalu li għalkemm it-tkabbir ekonomiku kien aktar milli mistenni, l-ekonomija Maltija mhux turi sinjali inflazzjonarji. Ir-rapport jitkellem dwar is-suq tal-proprjetà u jgħid li ż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà diġà bdew juri sinjali ta’ tnaqqis minħabba li qed tidied il-provista tal-propjetà fis-suq.

Ir-rapport ta’ Fitch jinnuta wkoll li l-awtoritajiet Maltin qed jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-Awtorità Bankarja Ewropea bil-proċessi ta’ supervizzjoni kontra l-ħasil tal-flus.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Fi tmiem laqgħa li damet għaddejja aktar minn ħames siegħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal lill-ġurnalisti barra id-Dar Ċentrali li l-laqgħa tal-grupp parlamentari kienet waħda kostruttiva u li fiha…

Kronaka

Tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei, il-ħaddiem żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Mali, li l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra waqa’ għoli ta’ madwar 4 sulari fil-bini tal-iskola l-ġdida tal-Qawra. L-inċident seħħ meta nqasmet tavluna…

Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia deher dieħel id-Dar Ċentrali għal-laqgħa kruċjali tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Huwa kien milqugħ minn xi partitarji Nazzjonalisti. Mistoqsi minn TVM, Adrian Delia qal li mhux se…

Aktar