Stejjer Umani
“Fix-xogħol ta’ skarpana nħoss lil missieri miegħi”

Mindu kienet tifla, flimkien ma’ familtha, għenet lil missierha li kien l-uniku skarpan f’Ħal Balzan.

Emma Borg hija waħda mill-uniċi skarpani nisa li għandna f’Malta u tgħid li wara l-mewt ta’ missierha tħossha onorata li mxiet fuq il-passi tiegħu tant li tqisu l-anġlu li qed jipproteġieha mis-sema.

Ir-riħa tal-kolla u l-għodda varji li ssib f’ħanut tal-iskarpan huwa l-ambjent li trabbiet fih Emma mindu kienet tifla żgħira.

F’ħanut ċkejken, missierha Michael għal għexieren ta’ snin kien jaqdi lir-residenti fit-tiswija taż-żraben, sengħa li maż-żmien qegħda tispiċċa ftit ftit. Iżda Emma, li minn dejjem ħabbet is-sengħa ta’ missierha, ftit tas-snin ilu ddeċidiet li tkompli l-legat tiegħu u fetħet ħanut għal rasha.

“Minn mindu kont żgħira kont immur il-ħanut ma’ missieri, u fil-qasam tax-xagħar kont ukoll, imma minn dejjem bil-ħolma li jkolli l-ħanut tiegħi.”

Emma tgħid li x-xogħol ta’ skarpana jagħtiha sodisfazzjon u li n-nies għadhom ifittxu dan is-servizz, flok ma jarmu ż-żarbun. “Żarbun, iktar ma jkun ħażin, iktar nipprova nġibu biex il-klijent ikun sodisfatt mix-xogħol li nagħmlu.”

Mhux l-ewwel darba li sabet lill-klijenti sorpriżi meta jindunaw li dak li sewwielhom iż-żarbun kienet hi. “Infatti jgħiduli ħafna, ‘taf li qatt ma rajt skarpana mara?’ Sa 7 snin, illum ma jidhirlix li hawn nisa.”

Bis-santa ta’ missierha Michael fil-ħanut, li miet ħames snin ilu, Emma tgħid li tħoss li dak huwa l-anġlu tagħha li jipproteġiha. “Missieri meta fetaħ il-ħanut fl-1974, meta twilidt jiena, u meta nkun qed naħdem, inħares lejh, niftakar fih, u meta niġi f’diffikultà ngħidlu żgħini naqra.'”

Emma qaltilna li bħan-negozji l-oħra kollha, ħerqana li kif jiġu rtirati l-miżuri terġa’ tiftaħ il-ħanut tagħha, u tkompli bix-xogħol li tant tħobb.