Lokali
F’Jum l-Ewropa titnieda inizjattiva biex ċittadini Ewropej jesprimu ruħhom dwar il-futur tal-Ewropa

Konferenza storka għall-Jum l-Ewropa qed toffri pjattaforma unika liċ-ċittadini Ewropej biex jesprimu ruħhom dwar il-futur tal-Ewropa.

Il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli qalet li l-Ewropa ma tistax tibqa’ biss kunċett idealistiku maqtugħ min-nies, iżda jeħtieġ li l-Unjoni tibni pont li jwassal għal titjieb konkret fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Dr Dalli ħabbret ma’ TVM li l-kummissjoni se tkun qed tipproponi liġi ġdida biex tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru wara li bil-konvenzjoni ta’ Istanbul ma rnexxieliex tilħaq kunsens għall-ratifika fost l-istati membri.

Intervistata fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa waqt il-programm TVAM, il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Unjoni Ewropea wriet il-prinċipju ewlieni tas-solidarjetà b’riżultati konkreti fil-ħidma dwar it-tilqima għall-COVID-19. Qalet li l-Unjoni Ewropea ħarget magħquda kontra l-virus.

“Vaċċin is-soltu ddum għaxar snin u dan sar f’sena u allura naħseb li dan huwa eżempju konkret ta’ kemm l-Unjoni Ewropa u l-Kummissjoni meta taħdem flimkien mal-istati membri ikun verament għall-ġid taċ-ċittadini”.

Kisba importanti oħra skont Dr. Dalli, kienet it-twaqqif ta’ portafoll iddedikat għall-ugwaljanza u qalet li fil-fehma tagħha, dan il-portafoll jagħti direzzjoni konkreta u b’saħħitha lejn il-fejn miexja l-Unjoni Ewropea, u kif se tkompli tiżviluppa fil-ġejjieni.

Dr Dalli ħabbret li se tkun qed tipproponi liġi ġdida sal-aħħar tas-sena li għandha tindirizza l-kwistjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru wara li l-kummissjoni diġa ppubblikat ħames strateġiji li jkopru l-aspetti kollha ta’ ħidma li jenħtieġ issir f’dan il-qasam.

“Ma nistgħux naslu għar-ratifikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-vjolenza abbazi tal-ġeneru, jien se nkun qed nipproponi leġislazzjoni oħra minkejja li jien għalija il-konvenzjoni ta’ Istanbul hija l-Gold Standard, hija l-aħjar li jista jkollna, din kienet issomata waqt il-Presidenza Maltija imma bqajna bil-forma biss, konvenzjoni għandek bżonn il-firma u r-ratifikazzjoni. Il-Kummissjoni issa se tagħmel liġi hi.”

Il-Kummissarju Dalli qalet li l-konferenza virtwali dwar il-futur tal-Ewropa li saret illum f’Jum l-Ewropa, hija eżempju ċar kif iċ-ċittadini Ewropej jistgħu iwasslu leħenhom dwar kwistjonijiet ewropej, u jkunu huma stess li jgħidu x’jixtiequ mill-futur tal-Ewropa. Dr Dalli qalet li dan il-jum m’għandux ikun biss ċelebrazzjoni ta’ kunċett idealistiku li jibqa’ fuq il-karta.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi ħa sehem b’mod virtwali fit-tnedija ta’ din il-konferenza, li saret fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu/ Fi stqarrija mill-Gvern intqal li ċ-ċittadini Maltin se jkunu nvoluti f’dan il-proċess ta’ diskussjoni biex titfassal id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza għall-Ġejjieni tal-Ewropa, li Malta hija firmatarja tagħha.

F’messaġġ fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ din il-konferenza, il-President George Vella qal li Malta għandha tissuġġerixxi kif l-Unjoni jkollha politika soċjali b’saħħitha, tara li jinkiseb rispett lejn id-diversitajiet u fl-istess waqt isir impenn biex l-Unjoni tkun aktar reżiljenti, ġusta u sostenibbli fis-snin li ġejjin.