Barranin
F’Kalifornja: Il-ġenituri jmutu bil-COVID-19 wara li l-omm welldet tarbija

F’Kalifornja koppja mietet bil-COVID-19 u ħalliet warajha 5 itfal żgħar fosthom tarbija.  Daniel u Davy Macias qattgħu 18-il xahar attenti ħabba l-virus. Huma kienu metikolużi għall-aħħar inaddfu kullimkien, jimsħu x-xirja mingħand tal-merċa u ħin kollu jaħslu jdejhom. Madankollu, sfortunatament xorta mardu bl-imxija.

L-omm, li taħdem bħala infermiera, kienet tqila meta mardet bil-COVID-19. Wara marad ukoll ir-raġel. It-tobba għenuha twelled lit-tarbija b’ċesarja. Sfortunatament, mietet qabel ma rat it-tarbija. Il-missier, li kien l-isptar ukoll bil-COVID-19 meta sar jaf li kellu tifla, ra lit-tarbija biss mir-ritratti qabel ma miet minħabba kumplikazzjonijiet tal-virus.

Il-virus ċaħħad lit-tifla mill-ġenituri u milli jagħtuha isem.

Il-kopja kienet għadha ma tlaqmitx kontra l-imxija u l-omm mietet fis-26 t’Awwissu u l-missier fid-9 ta’ Settembru. Huma ħallew warajhom ħamest itfal li l-età tagħhom tvarja sa 8 snin.

In-nanna tat-tfal irrakontat kemm kienet iebsa biex tgħid lit-tfal li l-ġenituri tagħhom mietu. Qalet li t-tifla ta’ 3 snin ma setgħetx tifhem li mhux se tara aktar lil ommha u lil missierha u ħolmot li missierha kien sejjer lura d-dar mill-isptar.