Edukazzjoni
“F’każi estremi tfal għandhom jinħarġu mill-familja jekk ma jintbagħtux l-iskola” – il-Prof Borg

Fl-isfond tar-rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika dwar l-edukazzjoni, il-Professur Carmel Borg qal li jara rabta bejn l-assenteiżmu u l-faqar f’lokalitajiet bħal Bormla, li ħareġ li l-aktar studenti li fallew joqogħdu f’dan il-post. F’kummenti lil TVM, il-Professur Borg ippropona li f’każi estremi t-tfal għandhom jinħarġu mill-familji tagħhom jekk dawn ma jridux jibagħtu lil uliedhom l-iskola.

Għall-Professur Carmel Borg mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, l-istatistika dwar l-edukazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tikxef il-pjagi tal-assenteiżmu f’ċerti lokalitajiet aktar minn oħrajn, anke jekk b’mod ġenerali fuq medda ta’ ħames snin, kien hemm tnaqqis notevoli fit-tfal li jfallu l-iskola mingħajr ġustifikazzjoni.

L-istatistika turi li t-tfal mill-inħawi ta’ Bormla għandhom l-ogħla rata ta’ assenteiżmu. Il-Professur Borg qal li din hija pjaga.

Il-Professur Carmel Borg qal ”meta għandek tfal u familji jgħixu fil-faqar, l-ewwel prijorità tagħhom li jippruvaw ipoġġu l-ikel fuq il-mejda, jippruvaw jaraw li għandhom saqaf fuq rashom u mhux l-edukazzjoni. Allura l-ġlieda kontra l-faqar awtomatikament hi ġlieda kontra l-assenteiżmu.”

Għall-Professur Borg, it-tħarrik tal-ġenituri li wliedhom ifallu l-iskola mhix soluzzjoni u jipproponi azzjonijiet oħrajn.

L-aħjar soluzzjoni hi rapport pożittiv, effettiv bejn l-iskola u d-dar u ambjent tal-iskola, li jilqa’ t-tfal, li jħobb u jistma lit-tfal imma ambjent tal-iskola li jħobb u jisma’ lill-għalliema.

Jekk huma ċirkustanzi estremi fejn jidher biċ-ċar li l-ġenituri mhumiex f’kundizzjoni li jindirizzaw id-drittijiet fundamentali tat-tfal, ma jkunx hemm soluzzjoni oħra ħlief li tneħħihom minn dak l-ambjent b’mod temporanju jew b’mod permanenti.

L-istatistika edukattiva tikkonferma li ppersistiet is-sitwazzjoni li l-aktar tfal li jfallu l-lezzjonijiet huma fl-iskejjel tal-Gvern.

Għandek migrazzjoni ta’ tfal ġejjin partikolarment mill-klassi medja. Allura bażikament b’din il-migrazzjoni faqqart it-tessut soċjali tal-istat. Illum nitkellmu fuq problemi ġeneralizzati u ssibhom ma’ kullimkien imma rridu nammettu li l-aktar problemi gravi qegħdin fis-settur tal-istat u din ovvjament se tirrifletti ruħha fil-livell ta’ assenteiżmu.

Il-Professur Borg irrifletta wkoll fuq ix-xejra tar-riżultati aħjar għall-istudenti bniet, li anke jfallu inqas mis-subien.

Din hi statistika li nistgħu norbtuha mas-suċċess edukattiv. Kif nafu, il-bniet bażikament qed jiġru bis-subien f’kull aspett f’kull livell tas-sistema edukattiva.

Il-Professur Borg innota wkoll it-tnaqqis ta’ 25% fir-rata tal-assentizmu mill-2012 sal-2017, għalkemm xorta r-rata ta’ aktar minn nofs miljun ġurnata tal-iskola mitlufa mill-istudenti, hija kunsidrata għolja.

Ras għal ras, l-istudenti fallew kważi 13-il gurnata fis-sena skolastika. Ir-riformi fost oħrajn fis-sistema edukattiva forsi taw l-ewwel riżultati, madankollu wieħed għad irid jagħmel evalwazzjoni ta’ inizjattivi oħrajn fosthom l-effett tal-iskejjel bil-bniet u subien fis-sekondarja.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar