FKNK u Birdlife jingħataw irziezet storiċi għar-riċerka fil-Buskett

Żewġt’ irziezet storiċi fil-Buskett li kienu mitluqa ġew restawrati biex issa ir-Razzett tal-Bosk u r-Razzett tal-Bagħal nbidlu f’ċentri li se jintużaw mill-Birdlife u mill-Federazzjoni Kaċċaturi u Konservazzjonisti.

razzettL-irzieziet nbnew fi żmien il-Gran Mastru Lascaris bejn l-1636 l-1657. Eman Portelli li hu l-operations manager tal-Park tal-Buskett qal li sa ftit snin ilu, il-qagħda tal-irziezet kienet diżastruża iżda b’finanzjament Ewropew u mill-Gvern ta’ €600,000, l-irziezet ġew salvati.

“Għall-ħafna żmien kien intelaq kien ġie abbandunat, kien ġie anki abbużat kienu jagħmlu l-black masses hawnhekk… u mbagħad kienu ntlabu fondi l-ERDF funds, biex jiġi restawrat ma tliet irziezet oħra tal-epoka li wkoll kienu telgħu fi żmien Lascaris,” qal Eman Pulis.

rziezet Buskett (1)Ir-razzett tal-Bosk hu mdawwar bis-siġar taż-żnuber u jinsab f’waħda mill-aktar partijiet pittoreski tal-Buskett. Il-bini restawrat issa se jkun immmanniġġjat mill-Birdlife u se jintuża bħala ċentru ta’ riabilitazzjoni għal għasafar selvaġġi midruba. Iċ-ċentru se jservi wkoll bħala bażi mnejn jiġu osservati l-għasafar u se jsiru wkoll riċerki u studji xjentifiċi biex jippromovu l-għarfien u apprezzament għall-speċi varji ta’ għasafar.

“Qatt ma kellna, qatt ma kien hawn post ddedikat għar-rijabilitazzjoni tal-għasafar salvaġġi, jiġifieri fil-passat meta kellna każi ta’ għasafar midruba b’mod serju, kellhom jintbagħtu barra minn Malta,” qal Jeffrey Saliba.

rziezet Buskett (2)Ftit kilomteri lil hinn mir-razzett tal-bosk, ukoll fil-Buskett, żorna ir-razzett tal-bagħal li kien jikkonsisti fi tliet btieħi u tlett stalel. Issa se jintuża biex iqajjem kuxjenza dwar l-għasafar mill-perspettiva iżda tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti. Il-federazzjoni se tuża r-razzett għal diversi skopijiet; fosthom bħala ċentru għal għanijiet edukattivi u riċerka xjentifika, l-aktar għall-konservazzjoni tal-barbaġann. Parti minnu se tinbidel f’mużew dwar il-kaċċa u l-nsib f’Malta.

“U tours tal-Buskett, affarijiet hekk jiġifieri. ċentru tal-edukazzjoni, l-element tal-kaċċa u tal-insib qiegħed hemm, iżjed iżda min-naħa tal-edukazzjoni,” qal Lino Farrugia mill-FKNK.

Is-Segretarju Parlamentari għall-ħarsien tal-annimali Roderick Galdes qal li lil hinn mill-kwistjonijiet dwar il-kaċċa u nsib, it-trasformazzjoni ta’ dawn l-irziezet kienet impressjonanti u b’mod li nbidlu f’ċentri skont standards Ewropej. Sa sitt xhur oħra l-irziezet se jkunu miftuħa għall-pubbliku.