Tfal
Fl-1 ta’ Lulju tidħol fis-seħħ il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal

Fl-1 ta’ Lulju, se tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, liġi li l-bżonn tagħha ilu jinħass snin twal. Tul l-aħħar xhur saru eżerċizzji ta’ konsultazzjoni u nstemgħu għal darba u tnejn il-partijiet kollha li ser ikunu qed iħaddmu jew jiġu affettwati b’din il-liġi. Ma’ dawn, saru wkoll diversi emendi anki f’dan l-aħħar abbozz sabiex l-esperjenzi u l-għarfien professjonali kollha jkunu ttieħdu inkonsiderazzjoni.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mat-twettiq ta’ din il-liġi.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li din il-liġi ser tagħti prijorità assoluta lid-drittijiet tat-tfal f’pajjiżna u telenka r-responsabbiltajiet tal-professjonisti kollha involuti. Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar kif il-Liġi se tkun qed tiffaċilita aħjar adozzjonijiet lokali, meta fil-preżent hawn madwar 450 tifel u tifla f’pajjiżna li ma jgħixux mal-ġenituri naturali tagħhom u qed jgħixu f’residenzi tat-tfal.

Din il-liġi se tkun qed tipproteġi aktar lil dawk it-tfal li jkunu qegħdin jesperjenzaw kwalunkwe tip ta’ vjolenza, abbandun jew li għandhom bżonn xi forma ta’ protezzjoni, u li minħabba f’hekk ma jkunux qegħdin jikbru f’ambjent san. Din il-liġi tolqot ukoll lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal u l-familji tagħhom, kif ukoll lil dawk in-nies li huma lesti li jiftħu biebhom u qalbhom u jilqgħu għandhom lil dawn it-tfal.

Il-konsulent ewlieni li ħadem f’din il-Liġi, l-Avukat Andy Ellul, saħaq li permezz ta’ dan it-tibdil, l-Ordni  ta’ Ħarsien se  toħroġ mill-Qorti għall-Minorenni u mhux mill-Ministru. Se jkun hemm tliet ordnijiet ta’ protezzjonijiet alternattivi għall-ordni għall-ħarsien, it-tfal issa ser ikunu qegħdin jipparteċipaw f’kull stadju tal-proċess, u l-interessi tagħhom ser ikunu rrapreżentati minn Avukat tat-Tfal.

F’din il-liġi, l-aħjar interess tal-minuri huwa l-aktar fattur determinanti u għalhekk il-minuri ser ikunu fiċ-ċentru ta’ kull deċizjoni li tkun qed tittieħed fil-proċess tant determinanti għal ħajjithom.

It-tfal se jingħataw għajnuna addizzjonali permezz tal-preżenza tal-Avukat tat-Tfal matul il-proċess kollu,  sapport u għajnuna mingħajr il-ħtieġa li jinħareġ mid-dar tal-ġenituri tiegħu, filwaqt  li l-minuri jinstema’ f’ambjent li huwa kalm u addattat għalih.

L-għan aħħari huwa li tingħata stabbiltà u permanenza għat-tfal li jibdew jgħixu f’residenza alternattiva.

Il-bidliet se jidħlu fis-seħħ b’mod gradwali, u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali se jkun qed jinforma lill-pubbliku hekk kif isiru dawn il-bidliet.

Dokument bil-punti saljenti tal-liġi: https://family.gov.mt/en/Pages/Minor-Proctection-Act-2020.aspx