Fl-2013 il-gwardjani lokali ħarġu 139,000 ċitazzjoni tat-traffiku

Ċifri tal-uffiċju nazzjonali tal-istatistika (NSO) dwar it-trasport tal-art, tal-ajru u tal-baħar f’Malta juru li s-sena l-oħra l-gwardjani lokali ħarġu kważi 139,000 ċitazzjoni għal kontravenzjonijiet tat-traffiku, madwar 8,000 aktar mis-sena ta’ qabel.

Aktar minn 51,000 citazzjoni kienu fuq parking ħazin waqt li t-tieni l-aktar kontravenzjoni komuni kienet ta’ sewwieqa li qabżu l-linji li jimmarkaw il-karriġġjati.

Il-valur taċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-gwardjani lokali jilħaq aktar minn €3,300,000.

Miċ-ċifri joħrog ukoll li waqt li l-gwardjani lokali kellhom idhom aktar ħafifa għal ħruġ taċ-ċitazzjonijiet, is-sena l-oħra l-pulizija taw ftit aktar minn 64,000 ċitazzjoni għal kontravenzjonijiet tat-traffiku – kwazi 13,000 inqas milli kienu taw fis-sena ta’ qabel.

Il-valur taċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-pulizija jilħaq kważi miljun €750,000.

Iċ-ċitazzjonijiet maħruġa bl-ispeed cameras laħqu iktar minn 15,000 u l-aktar speed camera li qabdet sewwieqa isuqu bi speed aktar minn dak indikat, kienet il-camera li hemm hdejn ic-cimiterju ta’ H’Attard li ħarget aktar minn 6,000 ċitazzjoni.