Lokali
Fl-2017 mal-1,840 applikaw għall-kenn f’Malta

Matul is-sena li għaddiet kien hemm total ta’ 728,470 immigrant li applikaw għall-kenn f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tnaqqis ta’ 44% meta mqabbel mal-2016.

Skont ir-rapport annwali tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea EASO, kuntrarju għax-xejra medja fl-Unjoni Ewropea, f’Malta l-applikazzjonijiet naqsu b’5% biss.

Matul l-2017 Malta ma żbarkaw l-ebda immigranti li waslu bid-dgħajjes iżda xorta pproċessat 1,840 applikazzjoni ta’ immigranti li talbu għall-kenn f’Malta, aktar min nofshom kienu Sirjani (436), Libjani (409) u Somali (332).

Ċifri ppubblikati fir-rapport annwali tal-Aġenzija EASO li hi bbażata f’Malta juru li s-sena li għaddiet l-awtoritajiet Maltin irċevew 90 applikazzjoni inqas mill-2016 (1,930) u fl-istess livell tal-2015 (1,845).

Sa tmiem is-sena li għaddiet, Malta kellha 1,500 każ pendenti x’tipproċessa, żieda ta’ 40% fuq is-sena ta’ qabel (1,070 – 2016). Kwart (24%) tal-każijiet pendenti jinvolvu immigranti mis-Somalja. Pajjiżi bħar-Rumanija, Spanja, Ċipru u l-Italja kollha esperjenzaw żidiet ta’ aktar minn 50% fil-każijiet pendenti.

L-EASO nnuttat li għat-tieni sena konsekuttiva kien hemm tnaqqis fir-rotot migratorji fil-Lvant u ċ-ċentru tal-Mediterran, iżda kien hemm żieda bla preċedent fir-rotta fil-Punent tal-Mediterran.

It-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea rċevew 728,470, kważi n-nofs tal-applikazzjonijiet li rċevew fl-2016, iżda xorta f’livell ogħla minn qabel il-kriżi tal-immigrazzjoni li kienet fl-aqwa tagħha fl-2015. (2013 – 464,505; 2014 – 662,165; 2015 – 1,393,875; 2016 – 1,292,740; 2017 – 728,470)

Il-Ġermanja pproċessat terz tal-applikazzjonijiet kollha (222,560 – 31%) għall-kenn, waqt li b’128,850 applikazzjoni, l-Italja kellha 17.7% tal-applikazzjonijiet.

Minkejja li b’mod ġenerali, l-applikazzjoni naqsu 44% , ir-Rumanija kellha żieda ta’ 156% waqt li l-applikazzjonijiet pproċessati minn Spanja rduppjaw u telgħu għal 31,000, b’terz minnhom minn immigranti mill-Veneżwela.

Skont ċifri proviżorji li għandha f’idejha l-EASO jidher li x-xejra ta’ tnaqqis fl-applikazzjonijiet għall-kenn fl-Unjoni Ewropea kompliet fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena.

Intant, ir-rapport annwali tal-EASO ġie ppreżentat fi Brussell mill-Aġent Direttur Eżekuttiv, Jamil Addou wara li l-Portugiż Jose Carreira rriżenzja kmieni dan ix-xahar waqt li kien taħt investigazzjoni mill-OLAF.

Aħbarijiet Oħra
Internet

Riklami foloz fuq Facebook bi stejjer dwar kif personalitajiet Maltin saru miljunarji wara li investew flushom, huma qarrieqa. Il-Kampanja Nazzjonali għall-Għarfien u Edukazzjoni dwar is-Sigurtá Diġitali, wissiet lill-pubbliku biex joqgħod…

Saħħa

Bl-influwenza tilħaq l-aqwa tagħha f’dawn il-jiem, l-Isptar Mater Dei sa dalgħodu anke kellu numru ta’ pazjenti fil-kuridur minħabba li s-sodod kollha jinsabu mimlija. Madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa ċaħdu li l-virus tal-influwenza…

Safar

Waħda mid-destinazzjonijiet li qed issir ferm popolari magħna l-Maltin, hija bla dubju l-Marokk. Pajjiż li joffri attrazzjonijiet varji u interessanti. L-oriġini ta’ dan l-isem ġej minn Marrakesh, belt fin-nofsinhar ta’ dan il-pajjiż…

Kronaka

Kompliet illum il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jelle Rijpma li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-ex maħbuba u kollega tiegħu Shannok Mak, li nstabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera. Mill-kumpilazzjoni, ħareġ li l-ġuvni…

Aktar