Kumpaniji
Fl-2020 ġew Malta 35 kumpanija barranija

Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, il-Malta Enterprise irnexxielha tattira 35 kumpanija ġdida lejn Malta, tlieta aktar mis-sena li għaddiet.

Waqt li kien qed jiġi intervistat fil-konferenza annwali tal-EY, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li minkejja l-isfidi li ġabet il-pandemija kien hemm ħames kumpaniji f’Malta li għamlu proġetti ta’ tkabbir.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Claudio Grech qal li l-pjan ta’ rkupru ekonomiku li ħareġ il-Partit Nazzjonalista jagħti priorità lis-saħħa u qal li jinsab imħasseb biż-żieda fl-investituri barranin li m’għandhomx fiduċja f’Malta.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li minkejja l-isfidi kbar li ġabet il-pandemija, minn Jannar sa issa l-Malta Enterprise rnexxilha tkompli tattira aktar investiment barrani lejn Malta u saħansitra taqbeż it-tnejn u tletin kumpanija li nġiebu matul l-2019 kollha.

“Din is-sena diġà għandna 35 investiment dirett barrani u s-sabiħ tiegħu hu li huwa mifrux u mhux settur wieħed partikolari, kellek fuq manifattura, kellek fuq security, AI u blockchain, jiġifieri tista’ tgħid li kien mifrux fuq numru ta’ setturi,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Waqt li kien qed jiġi intervistat fil-konferenza tal-EY, il-Ministru Schembri spjega li fost l-investiment barrani li ġie lejn Malta din is-sena kien hemm 11 fil-qasam tax-xjenzi, tmienja fil-manifattura, tmienja oħra fl-avjazzjoni, l-marittimu u l-loġistika, erbgħa fit-taħriġ u erbgħa oħra fl-oqsma diġitali fosthom tal-intelliġenza artifiċjali. Il-Ministru għall-Ekonomija qal li minbarra dan kien hemm ħames proġetti oħra ta’ tkabbir, uħud minnhom mill-ikbar kumpaniji ta’ investiment barrani li diġà jinsabu Malta u li se jkunu qed jibdew fix-xhur li ġejjin.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ pjan ta’ rkupru ekonomiku dettaljat u priorità assoluta hi s-saħħa fuq kull ħaġa oħra biex ir-rata ta’ trażmissjoni tinżamm taħt il-wieħed. Is-Sur Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb ħafna li kwart tal-investituri m’għadhom jara lil Malta għan-negozju u l-ewwel pass li jrid isir f’dan ir-rigward hu li jkun assigurat li toħroġ il-verità u ssir ġustizzja fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Stqarr li kif jiġri hekk, ikun lest li jmur personalment għand l-investituri u jikkonvinċihom jerġa’ jkollhom fiduċja f’Malta.