Infrastruttura
Fl-2020 Infrastructure Malta bniet mill-ġdid tliet toroq fil-ġimgħa

Infrastructure Malta mhix twettaq proġetti kbar biss, bħall-junction tal-Marsa u c-Central Link mill-Imrieħel sa barra Ta’ Qali, iżda għaddejja bi programm ta’ bini ta’ toroq fejn jgħixu eluf ta’ familji. Is-sena li għaddiet bniet mill-ġdid 155 triq residenzjali.

Ix-xogħol hu mifrux f’diversi lokalitajiet fosthom f’San Luċija fejn b’investiment ta’ żewġ miljun Ewro se jinbnew mill-ġdid 9 toroq residenzjali. Aktar dettalji ngħataw fi żjara li l-Ministru Ian Borg u uffiċċjali ta’ Infrastructure Malta għamlu fin-Naxxar fejn tħabbar li se jinbnew mill-ġdid tlettax-il triq fiż-żona tas-Sgħajtar.

Is-sena l-oħra, Infrastructure Malta bniet 110 kilometri ta’ toroq residenzjali, b’215-il kilometru ta’ bankini ġodda, 370 kilometru ta’ servizzi ġodda taħt l-art u ‘l fuq minn 350,000 tunellata ta’ asfalt. Dan ix-xogħol fisser li fuq medda ta’ tnax-il xahar kuntratturi tal-aġenzija bnew mill-ġdid medja ta’ tliet toroq residenzjali fil-ġimgħa.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Proġetti u Implimentazzjoni fi ħdan Infrastructure Malta, il-Perit Raphael Abdilla, qal li s-sena l-oħra, li kienet it-tieni sena tal-pjan nazzjonali tal-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali, l-aġenzija bniet 155 minn dawn it-toroq.

“Meta qed nibnu toroq mill-ġdid mhux qed nagħmlu biss il-wiċċ tal-asfalt, fuq is-servizzi li kien hemm. Ħafna drabi qegħdin inbiddlu s-servizzi ġodda u nibnu t-toroq mill-ġdid mill-pedamenti/ B’hekk qed ikollna infrastruttura aktar sigura li taqdi lir-residenti b’mod aħjar.”

Ix-xogħlijiet f’dawn it-toroq qed jissoktaw f’diversi bnadi foshom Triq il-Forġa bejn in-Naxxar u l-Iklin, li fiha nofs il-kilometru u qatt ma kienet iffurmata u mibnija. Fl-aħħar xhur tlestiet l-ewwel fażi tal-bini b’ħitan ġodda biex isostnu l-istruttura, bankini ġodda u sistemi ġodda tat-telekomunikazzjoni u tal-ilma inkluż sistema ġdida għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. It-tieni fażi ta’ din it-triq mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin b’investiment totali ta’ miljun ewro.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal li s’issa nbnew aktar minn 500 triq bejn toroq rurali, residenzjali u arterjali bħala parti mill-investiment imwiegħed ta’ €700 miljun.

“Il-Gvern qed iżomm il-kelma tiegħu/ Wegħdna li se nagħmlu b’700 miljun invesitment fit-toroq tagħna f’seba’ snin. Mitt miljun fis-sena għax il-Kunsilli qatt ma kellhom il-flus biex jagħmlu dawn it-toroq u hekk qed nagħmlu f’kull lokalità.”

Fin-Naxxar biss fejn saret din iż-żjara lix-xogħlijiet fi Triq il-Forġa, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid 13-il triq residenzjali oħra fiż-żona magħrufa bħala tas-Sgħajtar.