Barranin
Fl-Afganistan jiftħu l-iskejjel sekondarji … imma l-bniet jitħallew barra

L-iskejjel sekondarji fl-Afganistan reġgħu fetħu imma kienu biss is-subien u l-għalliema rġiel li tħallew jidħlu. Fl-iskejjel sekondarji jattendu żgħażagħ bejn it-13 u t-18-il sena.

Zabihullah Mujahhid, kelliema għat-Talibani, qal li l-iskejjel tal-bniet se jiftħu daqt imma għadhom qed jaħdmu fuq il-“proċedura” u d-diviżjoni tal-għalliema.

Bosta studenti bniet u ġenituri esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-futur tal-edukazzjoni taħt it-Talibani.

Mindu tneħħew mill-poter 20 sena ilu l-istudenti bniet fil-primarja żdiedu minn kważi xejn għal 2.5 miljun waqt li l-bniet li jafu jaqraw kważi rduppjaw għal 30%.

Nororya Nizhat, eks kelliema tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, qalet li taħt it-Talibani l-pajjiż spiċċa b’ġenerazzjoni ta’ nisa illitterati u mhux edukati u l-biża’ huwa li jerġa’ jiġri l-istess.