Lokali
Fl-aħħar 3 snin 22 persuna talbu li titneħħa s-sentenza tal-Qorti minn fuq l-internet

F’dinja diġitali fejn b’għafsa ta’ ftit buttuni fuq il-kompjuter tista’ tikseb minjiera ta’ informazzjoni fuq l-internet, il-protezzjoni tad-data personali qed kulma jmur issir kwistjoni iktar delikata. Dan japplika fost oħrajn għall-ismijiet ta’ individwi fis-sentenzi tal-qorti li jinsabu on-line. Għajr f’każi deċiżi mill-Qorti tal-familja, is-sentenzi online f’Malta jiddentifikaw l-individwi bl-isem u l-kunjom li jibqgħu jiġu imperċa għal għomorhom. Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-data, Saviour Cachia qal lil TVM li madankollu hemm proċedura kif individwu jista’ jitlob li s-sentenza dwaru titneħħa jekk din tkun qed tagħmillu ħsara.

Il-qrati Maltin s’issa għad m’għandhomx proċedura stabilità kif jostru l-identità ta’ individwi li jkunu ngħataw sentenza fuq reati kriminali. Fl-Ewropa jeżistu sistemi differenti; fi Spanja u l-Ġermanja, pereżempju l-ismijiet ma jissemmewx kif jiġri f’Malta fil-Qorti tal-familja. Pajjiżi oħra, inkluż, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja s-sentenzi jiġu ppubblikati on line bl-ismijiet b’kollox.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data Saviour Cachia qal lil TVM li jista’ jkun hemm ċirkustanzi u raġunijiet validi biex persuna titlob li sentenza fil-konfront tagħha ma tibqax online.

Saviour Cachia qal li “meta wieħed iħossu li jrid ineħħi xi ħaġa dwaru, dan jista’ japplika s-search engine fejn tkun qed tidher biex jitneħħa l-index li tirreferi għalih u jista’ japplika wkoll, fil-każ tas-sentenzi online għand organizzazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Qorti, jagħmel l-applikazzjoni però din mhux bilfors titneħħa jew le allura mhux jinqata’ mir-records uffiċjali tal-qorti, imma d-Direttur Ġenerali tal-Qorti wara li jara l-każ, jiddeċiedi jekk għandux ineħħi xi referenzi għal din il- persuna jew le.

Is-Sur Cachia qal li l-uffiċċju tiegħu jkollu numru mhux ħażin ta’ talbiet saħansitra minn xhieda biex jitneħħew is-sentenzi online li fihom jissemmew. Qal li dawn il-każi jiġu deċiżi mid-Direttur tal-Qorti u l-uffiċċju tiegħu jinvestiga biss jekk u meta dawn it-talbiet ikunu rrifjutati. Huwa qal li ħafna mill-każi li kellhom jidhru li kienu sodisfatti mid-deċiżjoni tad-direttur tal-qorti għaliex ma komplewx bil-każ quddiemu.

Iċ-ċifri li TVM kiseb mill-Qorti juru li mill-2015 sal-lum, saru 22 talba biex jitneħħew sentenzi online li kollha kienu ilhom deċiżi aktar minn ħames snin. It-talbiet kollha ntlaqgħu għajr waħda minħabba li l-każ ma kienx baqa’ jiġi segwit mill-persuna li għamlet it-talba. Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-data spjega li dawn id-deċiżjonijiet jittiehdu fil-kuntest tad-Direttiva Ewropea li biha persuna għandha dritt titlob li l-każ tagħha ma jibqax jitperreċ fuq l-internet.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar