COVID-19
“Fl-aħħar 4 ġimgħat l-għadd ta’ nies infettati bil-COVID-19 baqa’ kostanti”- il-Ministru Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar erba’ ġimgħat in-numru ta’ persuni li ġew infettati bil-Coronavirus baqa’ kostanti bil-figura tvarja bejn 120 u 130 kuljum.

Il-Minsitru Fearne li kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament qal li dan juri li Malta qed iżżomm kontroll fuq is-sitwazzjoni kontra dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra fejn il-każijiet baqgħu jiżdiedu kuljum.

Huwa qal li dan qed iseħħ għax in-nies qed jimxu mar-regolamenti tal-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza soċjali, il-fatt li ngħalqu stabbilimenti fejn ma tistax tinżamm id-distanza soċjali, introduzzjoni tal-lista ta’ pajjiżi hekk imsejħa oranġjo (amber) u l-ittestjar rapidu tal-passiġġieri li jaslu Malta fejn min jinsab pożittiv qed jinżamm iżolat mill-ewwel.

Huwa qal li hija x-xewqa ta’ kulħadd li n-numru ta’ każijiet jisparixxi iżda żied jgħid li dan ikun possibbli bit-tilqima kontra l-Covid 19. Il-Ministru Fearne temm jgħid li l-parir tal-Gvern u tal-awtoritajiet tas-saħħa jibqa’ li ma jinġemgħux aktar minn sitta min-nies flimkien kemm fil-pubbliku  kemm fid-djar biex tkun tista’ tingħata l-kura lil min għandu bżonnha.

Intant fi tweġiba supplimentari oħra lid-Deputat Laburista Anthony Agius Miceli, il-Ministru Fearne qal li l-Gvern taha għotja ta’ ħames miljun ewro lill-Puttinu Cares biex jgħinu jakkwista proprjetà fil-qalba ta’ Londra li se sservi ta’ akkomodazzjoni lill-pazjenti u familjari tagħhom li jkun jinħtieġilhom kura fi sptarijiet specċalizzati fil-belt.  Huwa qal li s-sena li għaddiet il-Gvern ħallas kwart ta’ miljun lira sterlina fi spejjeż ta’ transport ta’ pazjenti minn fejn kien akkomodati fiċ-ċentru ta Puttinu għal dawn l-isptarijiet biex jirċievu l-kura meħtieġa. Huwa żied jgħid illi dan is-servizz huwa parti mill-iskema nazzjonali tas-saħħa u temm jgħid illi Puttinu flimkien mal-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra qed jagħtu kuraġġ u tama lll-pazjenti Maltin.