Xogħol
Medja ta’ tmintax-il każ ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol fis-sena fl-aħħar għaxar snin

Bejn l-2010 u s-sena 2019, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali kellu medja ta’ tmintax-il każ fis-sena b’rabta ma’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Iżda mhux kull kumpanija tippermetti dan l-aġir tant li waħda mill-kumpaniji li ilha teżerċita tolleranza zero għad-diskriminazzjoni hija t-Trelleborg. Id-Direttur Maniġerjali ta’ din il-kumpanija, Martin Hignett qal li rapport ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol jittieħed b’serjetà kbira.

“There is a whole section on inclusion and anti discrimonation and booklets for the workers, and online learning about inclusion and anti discriminatory…it’s taken very seriously and reviewed and come up to myself as well.”

Il-fabbrika Trelleborg li fil-bidu li ġiet f’Malta kienet jisimha Malta Rubber u wara Dowty, tipproduċi xogħol tal-lakstu, u anki plastik, l-iktar għal sistemi marbuta mal-karozzi u anki roti elettriċi. Is-Sur Hignett qal li l-kumpannija li tħaddem 530 ħaddiem f’Malta bi tletin fil-mija minnhom nisa, tipproduċi xogħol għal kumpanniji kbar mad-dinja kollha. Qal li matul il-Covid il-kumpannija bdiet tħaddem il-ħaddiema erbat ijiem fil-ġimgħa iżda sabet appoġġ mill-Malta Enterprise biex setgħet baqgħet iżżomm l-impjegati kollha tagħha u ddiversifikat xi xogħol biex l-operat jibqa’ għaddej

Waqt żjara lil din il-fabbrika Żvediża, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li fil-Jum Dinji kontra d-Diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, din is-sena se ssir ħidma biex jiġu ngaġġati uffiċjali ġodda mad-dipartiment tar-relazzjonijiet industrijali biex ikun żgurat li l-postijiet tax-xogħol jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

“Se jkun hemm tlett persuni li jħarsu lejn il-liġi tax-xogħol wara 20 sena li daħlet fis-seħħ, liġi li tħares ‘il quddiem, importanti li sservina għaż-żmien li ġej, mhux biss li naraw jekk hemmx parijiet li joħolqu disrkiminazzjoni, imma liġi biex il-pajjiż ikun kompetittiv.”

Il-Ministru Abela qal li l-Gvern qed jaħdem biex il-liġi tax-xogħol tissaħħaħ skont id-direttiva għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-Unjoni Ewropea li se tidħol fis-seħħ f’Awissu 2022. Fost il-bidliet fil-liġi li jirrigwardjaw il-ħaddiema, hemm il-ħlas indaqs għal xogħol indaqs, liġi li trid tkun ġusta ma’ kulħadd u ma tiddiskriminax la minħabba ġeneru sesswali, la minħabba razza, reliġjon jew tħaddin politiku.