Barranin
Fl-Amerka: Balena tibla’ sajjied u tobżqu wara nofs minuta

Michael Packard, Amerikan li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum billi jistad għal-lobsters jista’ jgħoddha b’waħda wara li waqt li kien għaddej b’xogħlu spiċċat belgħetu balena.

Packard kien abbord dgħajsa ma’ sajjied ieħor lejn Hering Cove fl-istat ta’ Massachusetts meta f’salt wieħed wara li qabeż madwar 14-il metru taħt il-baħar sab ruħu f’ħalq balena.

F’kummenti lill-midja CBSN Boston, ir-raġel qal li dam f’ħalq il-balena madwar 30 sekonda. Qal, li għall-ewwel ħaseb li attakkah kelb il-baħar. Madankollu, huwa spjega li waqt li kien f’ħalq il-mammiferu nnota li ma kien hemm ebda sinna u b’hekk intebaħ li kienet spiċċat belgħetu balena. Żied, li wara ftit il-balena reġgħet beżqitu l-baħar u li għadda kollox b’wiċċ il-ġid, għalkemm fost l-oħrajn spiċċa b’irkoppa żlugata.