Barranin
Fl-Amerka eżegwita l-piena tal-mewt – l-unika mara kkundanata għall-mewt fl-aħħar 67 sena

Il-Gvern Amerikan esegwixxa l-piena tal-mewt ta’ Lisa Montgomery ta’ 52 sena, li kienet instabet ħatja ta’ qtil u hi l-unika mara li ngħatat il-forka f’dawn l-aħħar 67 sena. Hi ngħatat injezzjoni letali fil-ħabs f’Terre Haute f’Indiana.

Il-każ tagħha kien ġibed l-attenzjoni għaliex l-avukati tagħha argumentaw li hija kellha mard mentali u sofriet minn abbuż serju fi tfulitha. Fl-2004, Montgomery kienet fgat mara tqila qabel qatgħetilha żaqqha u ħatfet lit-tarbija li kienet qed iġġor f’ġufha. Il-vittma, Bobbie Jo Stinnett ta’ 23 sena, żvinat u mietet.

Qabel l-eżekuzzjoni, Montgomery ġiet mistoqsija jekk għandhiex xi kliem tal-aħħar xi tgħid u hi wieġbet li le u ma qalet xejn aktar. Hija kienet iċċertifikata mejta fis-siegħa u nofs ta’ filgħodu. L-avukat tagħha qalet li kull min kien parteċipi fl-eżekuzzjoni, għandu jistħi.