Lokali

Fl-Arraiolos il-President Coleiro Preca se tisħaq fuq it-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali

Qabel jingħata bidu għal-laqgħa tal-Grupp Arraiolos, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea ser ikunu qed jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq aspetti importanti tal-ġustizzja soċjali.

Il-President sememiet fost l-oħrajn il-fenomenu tal-immigrazzjoni, l-istrateġiji għall-inklużjoni soċjo-ekonomika, u l-bżonn li jitrawmu proċessi ta’ parteċipazzjoni demokratika, għall-ġid taċ-ċittadini u tar-residenti tal-pajjiżi li jirrappreżentaw.

Il-President Coleiro Preca qalet li t-tema ‘Crossing Borders’, hija stedina għall-Presidenti parteċipanti biex jirrifflettu fuq kif l-Ewropa għandha terġa tiskopri l-valuri soċjali ewlenin tagħha.  Qalet li huwa essenzjali li l-Presidenti jużaw dan il-forum biex jiddiskutu d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, u jkomplu jaħdmu favur l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Il-President qalet li huwa importanti li jiġu ndirizzati t-tensjonijiet soċjali u l-inċertezzi politiċi li ħafna pajjiżi qed jiffaċċjaw, u li jimmanifestaw rwieħhom f’ħafna modi.  Dan jista’ jsir, skont il-President ta’ Malta, billi s-sistema edukattiva tkun inklussiva fl-Unjoni Ewropea, b’servizzi tas-saħħa ta’ kwalità  għolja, u b’sens ta’ solidarjetà bejn il-ġnus u l-popli.

Sfidi oħrajn li semmiet il-President jinkludu l-ħidma kontra l-faqar u d-diskors poplista aggressiv u ddeskriviet is-sejħa għall-ħolqien ta’ fruntieri bħala strateġija soċjalment perikoluża u ekonomikament riskjuża.  Il-President sostniet li ż-żieda fl-inugwaljanzi għandha impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fit-tul, u għalhekk saħqet fuq il-ħtieġa li t-tibdil soċjali u ekonomiku jseħħ flimkien.

Il-President hija tal-fehma li l-laqgħa tal-Grupp Arraiolos se tkun pjattaforma għal aktar kollaborazzjoni u solidarjetà u qalet li qed tistenna bil-ħerqa li r-riżultat mil-laqgħa tal-Grupp Arraiolos jirrendi f’effett pożittiv fil-ħajja tal-popli kollha tagħna.

Malta ser tospita t-13-il-laqgħa tal-Grupp Arraiolos li tlaqqa’ l-Presidenti Ewropej mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea. L-edizzjoni Maltija ser tkun l-ikbar waħda għax ser jieħdu sehem 13-il President, u għall-ewwel darba ser jipparteċipaw 3 Presidenti Ewropej nisa.

 

Ara wkoll:

Illum 13-il President tal-UE se jiltaqgħu f’Malta għal Arraiolos